STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAS-SAJD, L-AKWAKULTURA U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Investiment dirett fis-sajjieda Maltin u Għawdxin
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura, u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said indirizzat konferenza tal-aħbarijiet bit-tema 'Ninvestu fis-Sajjieda' fejn tkellmet dwar l-investiment li wettaq il-Gvern fl-aħħar sentejn b'diversi skemi u għajnuniet finanzjarji lis-sajjieda.
Hija spjegat li l-Gvern, anke waqt pandemija, ra kif jgħin direttament lis-sajjieda sabiex itaffi l-piżijiet tagħhom u jżomm il-prezzijiet tal-ħut lokali stabbli, b'mod partikolari bl-iskema tal-fuel, kif ukoll bl-iskema tar-restawr tad-dgħajjes tal-injam. “Il-Gvern investa madwar €1.8 miljun f'dawn l-aħħar sentejn b'għajnuna finanzjarja lis-sajjieda Maltin u Għawdxin. Nafu bid-diffikultajiet li jiffaċċjaw is-sajjieda ta' kuljum, u għalhekk żidna l-isforzi tagħna sabiex inkomplu nkunu ta' spalla għalihom," qalet Bugeja Said.
Is-Segretarju Parlamentari tenniet l-impenn tal-Gvern li jkompli jinċentiva lis-sajjieda lokali b'diversi miżuri oħra li se jitħabbru fil-ġimgħat li ġejjin, fosthom l-iskema għal għajnuna finanzjarja mmirata għal sajjieda żgħażagħ, Young Fishers' Scheme. “Hekk kif dejjem għamel, il-Gvern jibqa' kommess li jkompli jagħti l-appoġġ kollu meħtieġ lis-sajjieda tagħna u d-dettalji li qed inħabbru llum huwa xhieda ta' dan," temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said.
Id-Direttur għas-Sajd Gilbert Balzan tkellem dwar l-importanza ta' skemi bħal dawn li jiffaċilitaw l-operat tas-sajjieda lokali. Kompla li l-iskemi offruti mid-Dipartiment tas-Sajd tul dawn is-snin iffrankaw spejjeż enormi lis-sajjieda biex anke jkunu jistgħu jżommu l-prezzijiet tal-ħut stabbli u b'hekk il-pubbliku jgawdi minn prezzijiet raġonevoli għall-ħut frisk lokali.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN