STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Inawgurata l-faċilità sportiva ta’ Qala Saints FC, grawnd tal-football ġdid tal-ogħla livell
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri, inawgura l-faċilità sportiva ġdida tal-Qala Saints b'investiment ta' aktar minn €400,000.
Il-Ministru Camilleri saħaq dwar l-impenn tal-gvern li jkompli jwettaq il-wegħdiet sportivi elettorali tiegħu u dan anke f'Għawdex stess, fejn l-investiment f'dan il-qasam tul dawn l-aħħar snin kien wieħed bla preċedent, inkluż fit-titjib tal-faċilitajiet.
Waqt l-inawgurazzjoni ta' din il-faċilità sportiva, il-Ministru Camilleri qal li dan il-proġett se jwassal biex it-tfal ta' din il-lokalità jkunu jistgħu jitħarrġu b'mod sigur u f'ambjent sabiħ filwaqt li t-tim tal-Qala Saints, bħal timijiet oħra f'Għawdex, issa għandu post denju fejn jopera u faċilità addattata għaż-żminijiet ta' illum.
“Komplejna ninvestu fl-atleti u ż-żgħażagħ tagħna għax nemmnu fil-potenzjal tagħhom u dan il-potenzjal poġġewh fil-prattika kull meta ingħataw l-opportunità kemm f'Malta kif ukoll fl-isfera internazzjonali. Fil-fatt, bħalissa, madwar 50 atleta Għawdxi qed jibbenefikaw mill-iskema Gozitan Sportsperson Assistance Scheme, skema intiża biex ittaffi xi ftit mill-ispejjeż relatati mat-taħriġ, għal dawk l-atleti li jitħarrġu f'Malta," qal il-Ministru.
Il-Ministru Camilleri irringrazzja lill-Ministru għall-Edukazzjoni u Sports, Clifton Grima, tal-assistenza li ngħatat biex dan il-proġett seta' jitwettaq u awgura kull suċċess lit-tim tal-Qala Saints.
Is-Sindku tal-Qala, Paul Buttigieg, saħaq li permezz tal-intervent tal-Gvern twettaq dan il-proġett. Huwa qal li din il-faċilità se tkun għodda importanti għat-tim tal-Qala Saints u għat-tfal u adoloxxenti li jattendu u jitħarrġu man-nursery tal-lokalità.
Il-President ta' Qala Saints, Noel Mizzi qal li l-ħolma ta' kull dilettant tal-football fil-Qala issa saret realtà. Huwa rringrazzja lill-entitajiet kollha li ħadmu u ġibdu ħabel wieħed biex dan il-proġett twettaq.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN