Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Ftehim biex tiġi indirizzata l-problema tal-għargħar permezz ta’ manutenzjoni fil-ġibjun u l-bini ta’ ġnien ġdid

pr240950
Date Icon 31/05/2024

Permezz ta’ kollaborazzjoni bejn Project Green, id-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kunsill Lokali tal-Mosta, se jinħoloq ġnien ġdid f’din il-lokalità, fl-inħawi magħruf mar-residenti bħala Ta’ Mlit.

Il-ġnien, b’daqs ta’ madwar 1,400 metru kwadru, se jinħoloq fuq saqaf ta’ ġibjun mibni taħt l-art.

Il-ġibjun, li ilu mibni madwar 50 sena, jesa’ madwar 3,000 metru kubu ta’ ilma. Kien inbena bil-ħsieb li jtaffi l-problemi tal-għargħar fiż-żona hekk kif l-ilma tax-xita tkun tista’ tiskula għal ġo fih. Biż-żmien, il-ġibjun ġarraf bosta ħsarat strutturali u n-nuqqas t’aċċess għamilha aktar diffiċli biex isir tindif regolari u adegwat.

Permezz ta’ żewġ Memoranda of Understanding, dan il-ġibjun se jingħata lura l-ħajja filwaqt li l-komunità tal-Mosta se tingħata spazju ġdid miftuħ. L-MoUs ġew iffirmati mill-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green Joseph Cuschieri, id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi l-Perit Stephen Bonello, u s-Sindku tal-Mosta Chris Grech fil-preżenza tal-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija Miriam Dalli u s-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia.

Bi ftehim mad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, se jsiru xogħlijiet estensivi biex jiġi restawrat u riabilitat dan il-ġibjun. Ix-xogħlijiet jinkludu t-twaqqigħ tas-saqaf eżistenti tal-konkos li jinsab taħt il-livell tat-triq, kif ukoll il-ħitan divisorji li jinsabu ġewwa. Wara jsir tindif ġenerali mill-ħama, ħmieġ u terrapin li nġabar matul is-snin. Ser jinbnew ħitan divisorji ġodda li se jħallu aċċess u jagħmluha aktar faċli għall-inġenji biex jibqa’ jsir tindif u manutenzjoni skont il-ħtieġa aktar ’il quddiem. Ser jinbena saqaf ġdid tal-konkos mal-livell tat-triq biex l-ispazju ta’ fuqu jkun jista’ jintuża għal skopijiet rikreattivi. Ser tiġi installata wkoll pompa li taħdem bl-elettriku filwaqt li se jkun hemm aċċess fil-ġibjun biex inġenji jkunu jistgħu jiġbdu l-ilma għat-tisqija. 

Wara li jitlesta dan ix-xogħol, Project Green tkun tista’ tagħti bidu għax-xogħol tagħha biex toħloq ġnien fuq il-ġibjun. Fil-fatt, il-ftehim iffirmat bejn Project Green u l-Kunsill Lokali tal-Mosta jaħseb biex dan l-ispazju ġdid ikollu użu multifunzjonali, li jaħseb għall-ħtiġijiet rikreattivi ta’ tfal żgħar, adolexxenti u adulti. Il-ġnien se jkun iddisinjat madwar il-kunċetti tas-sostenibbiltà. Se jkun post li joffri spazju għall-attività fiżika għall-adulti u żona tal-logħob għat-tfal. 

It-tħawwil ta’ siġar u arbuxelli, bankijiet fid-dell, u l-użu ta’ materjal li jirrispetta l-ambjent se jikkreaw żona rilassanti għar-residenti tal-madwar. Project Green saħqet li d-disinn se jagħti prijorità lill-integrità strutturali, is-sigurtà, l-aċċessibilità u s-sostenibbiltà ambjentali, permezz ta’ pjan komprensiv li jkopri riċerka, disinn, kostruzzjoni u manutenzjoni. Fil-fatt, l-ilma li ser jinġabar f’dan il-ġibjun se jkun jista’ jintuża għat-tisqija ta’ dan il-ġnien, ġonna u landscaping areas fil-viċin kif ukoll għat-tisqija tal-Park Nazzjonali f’Ta Qali.

Il-Ministru Dalli qalet, “Il-kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali hija l-qofol tax-xogħol li qed nagħmlu biex noffru kwalità ta’ ħajja aħjar lir-residenti u l-komunitajiet f’Malta u f’Għawdex. Is-sabiħ ta’ dan il-proġett huwa li jgħaqqad flimkien l-elementi tas-sostenibbiltà – li nagħmlu użu mill-ilma tax-xita bħala riżorsa naturali – u l-ħolqien ta’ spazju rikreattiv ieħor. Permezz tal-ftehim iffirmat illum qed noffru proġett ieħor għat-tgawdija tar-residenti f’żona urbana biex inkomplu nwettqu l-wegħda li jkun hemm spazju miftuħ qrib il-familji.”

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia sostna, “L-impenn tagħna bħala Public Works jibqa’ wieħed li nisimgħu il-bżonnijiet tal-Kunsilli Lokali u r-residenti u nindirizzawhom bl-aktar mod sostenibbli. Dan huwa proġett ferm importanti sabiex nikkonservaw l-ilma f’dan il-ġibjun u nassiguraw li b’kollaborazzjoni ma’ entitajiet bħal Project Green noħolqu aktar spazji pubbliċi biex jitgawdew mill-familji tagħna.”

Is-Sindku tal-Mosta Chris Grech qal, “Qed inħabbru investiment biex niżguraw l-aċċessibbiltà għal kulħadd, li jinkludi tagħmir t’apparat li jkun jista’ jakkomoda persuni b’abbiltajiet differenti, dan sabiex nippromwovu l-inklussività u l-involviment tal-komunità f’ambjent vibranti u akkoljenti.”

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Ftehim biex tiġi indirizzata l-problema tal-għargħar permezz ta’ manutenzjoni fil-ġibjun u l-bini ta’ ġnien ġdid
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Ftehim biex tiġi indirizzata l-problema tal-għargħar permezz ta’ manutenzjoni fil-ġibjun u l-bini ta’ ġnien ġdid
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow