STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT L-Ambaxxatur tar-Repubblika Federattiva tal-Brażil Renato Mosca de Souza ppreżenta l-Ittri ta’ Kredenzjali tiegħu lill-President Myriam Spiteri Debono fil-Palazz Presidenzjali, il-Belt Valletta.
Il-President Spiteri Debono rrimarkat dwar l-impatt qawwi tal-ftuħ tal-Ambaxxata ta’ Malta fi Brasilia, u l-impatt li dan jista’ jkollu fuq it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn Malta u l-Brażil, pereżempju permezz tal-promozzjoni u t-tisħiħ tal-wirt kulturali, u n-negozjar ta’ diversi ftehimiet bilaterali f’diversi oqsma ta’ kooperazzjoni. Faħħret ukoll il-pożizzjoni komuni taż-żewġ pajjiżi dwar il-protezzjoni tal-paċi u s-sigurtà, filwaqt li nnotat li l-pożizzjoni tal-Brażil u ta’ Malta biex tistinka u tikseb aktar tkompli ssaħħaħ ir-relazzjonijiet ta’ bejniethom. Il-President Spiteri Debono esprimiet ukoll l-appoġġ għat-titjib fir-relazzjonijiet bilaterali fejn jidħlu n-negozju u l-kummerċ bejn Malta u l-Brażil, filwaqt li rrimarkat dwar l-importanza tal-konklużjoni tal-Ftehim Kummerċjali UE-MERCOSUR.
Min-naħa tiegħu, l-Ambaxxatur enfasizza l-valur tal-ftuħ tal-Ambaxxata fi Brasilia, u nnota l-ħamsin anniversarju tar-relazzjonijiet diplomatiċi bejn Malta u l-Brażil fl-2025. L-Ambaxxatur esprima l-apprezzament tiegħu għall-appoġġ li wriet Malta għall-inizjattivi Brażiljani fil-livell multilaterali, pereżempju permezz tal-mandat koinċidenti ta’ Malta u l-Brażil fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fl-2023. L-Ambaxxatur tenna l-impenn tiegħu li jkompli jistabbilixxi l-preżenza diplomatika Brażiljana f’Malta fil-futur qarib, b’kunsiderazzjoni tad-dijaspora Brażiljana li qiegħda tikber f’Malta u l-potenzjal għal aktar negozju u investiment bejn iż-żewġ pajjiżi. Faħħar ukoll it-tkabbir tal-ekonomija Maltija kif ukoll l-approċċ pożittiv li ħadet Malta fid-dawl tas-sitwazzjoni globali attwali.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN