`STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Tibda tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni li nħolqot fl-2006 mal-pensjonanti li twieldu qabel l-1962
Il-Gvern kompla jaħdem sabiex jindirizza anomaliji fil-pensjonijiet illi nħolqu fl-2006 taħt amministrazzjoni preċedenti. Sabiex jirrimedja din is-sitwazzjoni dan il-Gvern ħejja pjan ta' azzjoni mifrux fuq seba' snin sabiex tissaħħaħ is-sostenibbiltà tal-pensjonijiet.
F'konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon spjega dwar il-bidliet illi saru minn dan il-Gvern sabiex jiġu indirizzati dawn l-anomaliji. Fil-fatt, minn din is-sena ddaħħlet garanzija fil-liġi li l-pensjonanti kollha, inkluż dawk li twieldu qabel l-1962, se jiżdiedu bl-istess ammont u mhux b'żewġ mekkaniżmi li kienet daħlet fi żmien amministrazzjoni preċedenti.
B'hekk, issa kull pensjonant ser ikollu żieda aktar minn dik tal-COLA kull sena, u li se twassal biex titneħħa d-diskriminazzjoni illi ħolqot amministrazzjoni preċedenti li qasmet il-pensjonanti bejn dawk li twieldu qabel l-1962 u dawk li twieldu wara, deċiżjoni li għamlet ħsara fuq il-pensjonanti.
Il-Ministru Michael Falzon kompla jgħid illi issa, dawk il-pensjonanti li twieldu qabel l-1962 u li s-salarju kurrenti tagħhom, li kieku għadhom jaħdmu, jaqbeż id-Dħul Pensjonabbli Massimu tagħhom, ser ikunu qed jingħataw b'mod gradwali ż-żieda addizzjonali fil-pensjoni tagħhom li tlaħħaq massimu ta' €9.47 fil-ġimgħa.
“Ninsab infurmat li l-proċess mexa sew u nista' nħabbar li madwar 25,000 pensjonant jew pensjonanta, inkluż romol, se jkunu gawdew b'kollox minn din it-tieni miżura. Din il-figura hija aktar mid-doppju ta' dak li kien maħsub għax sar eżerċizzju massiċċ ta' reviżjonijiet sabiex inkunu ċerti li ma nħallu lil ħadd minn dawk intitolati barra," stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Dan ifisser ukoll li l-pensjonanti l-oħra li ma kienux inklużi f'din il-miżura, diġà kienu qed jikkwalifikaw minn rati tal-pensjoni illi jirriflettu dak illi huma ħallsu bolol fis-snin imgħoddija. Għaldaqstant ma kellhom l-ebda anomalija fil-pensjoni tagħhom u ma jaqgħux ma' din il-kategorija ta' pensjonanti.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926