STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI Imħabbra skema għal aktar ġonna fil-lokalitajiet
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli ħabbret skema li permezz tagħha se jsiru għadd ta' ġonna fil-komunitajiet madwar Malta u Għawdex. L-iskema msejħa “Community Gardens Scheme" għandha l-għan li tkompli tagħti aktar spazji miftuħa lill-pubbliku Malti u Għawdxi.
F'konferenza tal-aħbarijiet intqal kif din l-iskema se tkun qed titħaddem mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali fejn se jinħolqu aktar spazji ħodor kull fejn hu possibbli. Din l-inizjattiva innovattiva u sostenibbli se tipprovdi diversi benefiċċji kemm soċjali u ambjentali kif ukoll twassal għal-titjib fis-saħħa fiżika u mentali.
Permezz ta' dawn il-community gardens se jkun qed jiġi provdut spazju għar-residenti fejn ikunu jistgħu jiltaqgħu, u fejn se jkunu jistgħu ukoll jkabbru frott, ħaxix, ħxejjex aromatiċi u fjuri, u kif ukoll jippromwovu l-attività fiżika u l-inklużjoni.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li waħda mill-prijoritajiet ewlenin ta' dan il-gvern hu li jkompli jsebbaħ u jagħti aktar spazji miftuħa fil-lokalitajiet. Qalet li l-għan ewlieni ta' din l-iskema hi li l-gvern jassisti permezz ta' xogħol minuri fuq siti, passaġġi jew soft areas żgħar u medji, bi preparazzjoni għal żvilupp jew manutenzjoni ta' community gardens fil-komunitajiet imxerrda madwar Malta u Għawdex.
“Se nkomplu naħdmu permezz ta' din l-iskema sabiex noffru lill-komunitajiet tagħna aktar spazji miftuħa u spazji ta' rikreazzjoni. Bħala gvern nemmnu f'ambjent isbaħ u aħjar u hekk qegħdin inkomplu nagħmlu," temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.
Fost il-lokalitajiet li se jibbenefikaw minn din l-iskema hemm: Ħal Balzan, Ħal Lija, is-Swieqi, il-Fgura, Ħal Qormi, Birżebbuġa, il-Gudja, Santa Venera, ir-Rabat - Malta, iż-Żurrieq u l-Qala.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926