STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ARTIJIET U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Binja tal-Gvern tgħaddi f’idejn l-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda
L-Awtorità tal-Artijiet u l-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda ffirmaw kuntratt li permezz tiegħu l-Gvern ittrasferixxa b'titolu għal perjodu ta' 65 sena, proprjetà ġewwa x-Xatt tal-Lascaris il-Belt Valletta, sabiex isservi bħala l-binja ċentrali tal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi waqt li ppresjeda għall-iffirmar tal-kuntratt tat-trasferiment.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi spjega kif dan il-ftehim juri l-impenn ta' dan il-Gvern biex ikompli jgħin lis-soċjetajiet mużikali fil-ħidma volontarja tagħhom fil-komunitajiet lokali. Huwa stqarr li s-sostenn ta' dan il-Gvern sabiex immexxu l-kultura bandistika 'l quddiem ser jibqa' għaddej u l-Gvern se jkompli jkun ta' għajnuna sabiex tissaħħaħ din il-kultura bandistika u b'hekk titħares il-festa Maltija li issa ġiet dikjarata bħala wirt dinji mill-UNESCO.
“Nemmen li l-Għaqda Każini tal-Banda għandha rwol importanti biex issostni u ssaħħaħ ir-relazzjoni bejn l-għaqdiet u biex tagħraf il-ħtiġijiet tagħhom u titratta d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom. Dan sabiex tkompli ttejjeb il-livell ta' taħriġ u apprezzament tal-arti mużikali f'pajjiżna," tenna l-Ministru Zrinzo Azzopardi.
Il-Ministru rrikonoxxa x-xogħol siewi li qed tagħmel l-Awtorità tal-Artijiet sabiex tkompli tkun ta' sostenn għall-għaqdiet volontarji kif ukoll għall-Kunsilli Lokali biex tkompli tissaħħaħ il-ħidma tagħhom fl-ibliet u l-irħula.
Dr Noel Camilleri, President tal-Għaqda Każini tal-Banda wera l-apprezzament tiegħu għall-appoġġ tal-Gvern biex intlaħaq dan il-ftehim u spjega kif dan huwa mument memorabbli fl-istorja tal-Għaqda fejn issa ser tibda taħdem fuq il-proġett biex il-binja tkun rinovata u tibda sservi għal-iskop tagħha.
“Wasalna s'hawn grazzi għall-impenn tal-Gvern li mill-ewwel għaraf l-importanza li jkollna proprjetà adegwata sabiex l-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda tkompli tkun l-għaqda tal-għaqdiet billi jkollha ċentru edukattiv għall-mużiċisti kif ukoll ċentru li minnu nistgħu nkomplu nkunu ta' servizz lejn il-komunitajiet," temm jgħid Dr Camilleri.
L-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda twaqqfet fl-1947 bl-għan prinċipali li tħares l-interessi tal-għaqdiet u s-soċjetajiet mużikali kollha. L-għaqda torganizza wkoll sezzjonijiet (masterclasses) ta' taħriġ ta' livell għoli, għall-istudenti tal-mużika.
Il-President tal-Għaqda Dr Noel Camilleri u l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Awtorità tal-Artijiet Robert Vella kienu fost dawk li ffirmaw il-kuntratt tat-trasferiment. Preżenti wkoll kien hemm is-Segretarju Permanenti Carlos Tabone u uffiċjali mill-kumitati tal-każini tal-baned minn Malta u Għawdex.
Stqarrijiet Oħra:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926