STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Servizz ta’ trasport b’xejn għall-pazjenti tal-Hospice permezz ta’ fondi mill-MCVS
Ġie inawgurat servizz ġdid ta' trasport għall-pazjenti ta' Hospice Malta, iffinanzjat mill-Voluntary Organisations Projects Scheme (VOPS) tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, sabiex jiġi żgurat l-aċċess kontinwu għas-servizz tad-Day Therapy Unit. Dan ġie inawgurat mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli.
Il-proġett, li jinkludi l-ingaġġar ta' kumpanija professjonali li ser tipprovdi s-servizz, huwa estensjoni ta' proġett ieħor tal-VOPS implimentat is-sena ta' qabel b'suċċess, li kien jinvolvi x-xiri ta' vettura ġdida li jiżgura li ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin li jiġu bżonn dan is-servizz ta' kura palljattiva jkomplu jirċevuh f'darhom b'mod aktar effettiv. It-total ta' investiment fiż-żewġ proġetti jammonta għal madwar €37,000.
Dan is-servizz jibni wkoll fuq il-pakkett sħiħ ta' kura li Hospice Malta tipprovdi, li jinkludi anke network ta' sewwieqa voluntiera li bil-vettura tagħhom personali jwasslu pazjenti għat-terapija u s-servizzi. Is-servizzi ta' Hospice Malta huma varji u jinkludu trattament sabiex jittaffa l-uġigħ, jipprovdu serħan u kontroll tas-sintomi. Jipprovdu wkoll appoġġ psikoloġiku, emozzjonali, soċjali u spiritwali. Ladarba l-pazjent jiġi kkurat id-dar, il-bżonn ta' dħul l-isptar jitnaqqas sostanzjalment u b'hekk ikun hemm anqas piż fuq is-sistema tas-saħħa.
Għalhekk huwa meħtieġ li, biex jilħaq aktar pazjenti fil-kumdità ta' darhom, it-tim tal-kura professjonali ta' Hospice Malta jkollu aktar aċċess għal trasport. Dan filwaqt li l-pazjenti li qed jibbenefikaw mis-servizzi qiegħed dejjem jiżdied. Is-sena li għaddiet biss, Hospice Malta għamlet 36,000 żjara fid-djar ta' pazjenti li jkunu qed jirċievu l-kura mingħandhom. Kien hemm 1,500 individwu jieħu terapija li 900 kienu każijiet ġodda.
Fi żjara fil-kumpless il-ġdid ta' St Michael Hospice, f'Santa Venera, li jinsab fi stadju avvanzat biex fi ftit xhur oħra jiġi inawgurat, il-Ministru Julia Farrugia Portelli faħħret is-servizz u l-ħidma tal-Hospice filwaqt li tenniet l-impenn tal-Gvern biex ikompli jkun ta' spalla għal din l-għaqda. “L-għaqda Hospice tagħmel ġid imprezzabbli mal-pazjenti u l-familji tagħhom. Dan jafuh ferm tajjeb familji li ġew bżonn is-servizz tagħhom. Huwa ta' sodisfazzjon kbir li tara proġetti ta' din ix-xorta jieħdu l-ħajja hekk kif jgħinu biex jikkonsolidaw is-servizzi li din l-għaqda toffri," temmet tgħid il-ministru.
Il-Kap Eżekuttiv ta' Hospice Malta Kenneth Delia stqarr li “Din hija għajnuna li tissarraf direttament fis-servizz, fl-ewwel każ, fejn bl-akkwist ta' vettura ġdida, inkomplu niżguraw li l-pazjenti ta' Hospice Malta jirċievu s-servizzi tant bżonnjużi mill-professjonisti fid-djar tagħhom. Fit-tieni każ, is-servizz eżistenti se jkun qed jiġi estiż biex niżguraw li kull pazjent li jista' jibbenefika mid-Day Therapy Unit, ikun jista' jattendi għas-sessjonijiet ta' terapija. Id-Day Therapy Unit iservi wkoll bħala forma ta' respite għall-qraba tal-pazjent. Għaldaqstant, grazzi għal din l-għajnuna, Hospice Malta tista' toffri iktar kura u sapport fejn il-pazjent u l-familja tiegħu jibqgħu dejjem fiċ-ċentru."
F'kumment waqt iż-żjara, il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat Mauro Pace Parascandalo, innota u enfasizza l-varjetà ta' proġetti u għaqdiet li jibbenefikaw mill-fondi tal-Kunsill. “Hawn qed naraw servizz importanti li qiegħed jiġi msaħħaħ bil-fondi tal-VOPS, u b'sodisfazzjon naraw kif proġetti ta' ġid qegħdin jinħolqu b'mod kontinwu fl-oqsma kollha tas-settur tal-volontarjat permezz ta' dawn il-fondi li huma maħluqa apposta għall-istess settur."
Aktar informazzjoni dwar din u inizjattivi oħra tal-Kunsill minn maltacvs.org.
Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Nancy Caruana.
Stqarrijiet Oħra:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926