Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ Malta tingħaqad mal-komunità internazzjonali biex tiċċelebra Jum l-Afrika

pr240903
Date Icon 25/05/2024

“Opportunità biex nirrikonoxxu d-diversità u r-reżiljenza tal-kontinent Afrikan" – il-Ministru Ian Borg

Malta qed tingħaqad mal-komunità internazzjonali biex tfakkar Jum l-Afrika, l-anniversarju minn meta twaqqfet l-Organizzazzjoni tal-Unità Afrikana, fil-25 ta' Mejju 1963.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg fakkar li Malta diġà tgawdi minn relazzjonijiet bilaterali u ekonomiċi b'saħħithom ma' ħafna pajjiżi Afrikani, filwaqt li enfasizza l-importanza li tkompli tissaħħaħ ir-reputazzjoni ta' Malta bħala sieħeb ta' fiduċja għal kollaborazzjonijiet ġodda bejn l-Unjoni Ewropea u l-Afrika.

“Jum l-Afrika huwa opportunità unika biex nirrikonoxxu u niċċelebraw id-diversità rikka, il-wirt kulturali u r-reżiljenza tal-kontinent Afrikan, u Malta kburija li tinsab maġenb nazzjonijiet Afrikani hekk kif flimkien nistgħu nkomplu negħlbu l-isfidi u naħdmu lejn il-prosperità," qal il-Ministru Ian Borg.

Huwa faħħar ukoll il-kontribut tal-komunità Afrikana f'Malta, hekk kif appella għal aktar impenn interkulturali għall-promozzjoni tad-diversità fil-komunitajiet kollha.

L-Istrateġija Malta-Afrika 2020-2025 tinkoraġġixxi l-kontribut attiv ta' Malta fil-ħolqien ta' sħubijiet ta' kummerċ, investiment u żvilupp sostenibbli li huma ta' benefiċċju reċiproku kemm għal Malta kif ukoll għall-Afrika. F'dan ir-rigward, il-Gvern huwa kommess li jappoġġja l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, partikolarment f'edukazzjoni ta' kwalità, ugwaljanza bejn is-sessi u azzjoni klimatika, sabiex jiġi żgurat tkabbir inklussiv u sostenibbli madwar l-Afrika.

Malta hija konxja wkoll mill-isfidi kumplessi li jaffaċċjaw reġjuni bħas-Saħel, il-Baħar l-Aħmar, u l-Lagi l-Kbar, u tesprimi solidarjetà u appoġġ għal inizjattivi li jippromwovu l-istabbiltà, il-paċi u l-iżvilupp sostenibbli f'dawn iż-żoni. Malta tappoġġja wkoll l-inizjattivi tal-Unjoni Ewropea mmirati lejn il-promozzjoni tal-paċi, l-istabbiltà u l-iżvilupp sostenibbli fl-Afrika. Ir-rwol ta' Malta, bħala membru mhux permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Maqgħuda, wkoll qed jenfasizza l-impenn ta' pajjiżna li jippromwovi temi Afrikani fix-xena globali.

F'Marzu 2024, il-President Emeritus George Vella żar il-Ghana, filwaqt li l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg żar l-Etjopja. Matul iż-żjara tiegħu, il-Ministru kellu laqgħat għolja ma' uffiċjali ewlenin tal-gvern Etjopjan biex jissaħħu r-rabtiet diplomatiċi u titrawwem iżjed kooperazzjoni. Fl-istess xahar, Trade Malta organizzat ukoll żjara kummerċjali fl-Etjopja, biex tkompli ssaħħaħ ir-rabtiet kummerċjali u tesplora opportunitajiet ġodda għall-kumpaniji bbażati f'Malta.

F'April, il-Ministru Ian Borg laqa' wkoll lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin u l-Kooperazzjoni Internazzjonali tar-Rwanda f'Malta għal diskussjonijiet dwar kwistjonijiet bilaterali u reġjonali. Din is-sena timmarka wkoll il-ħatra tal-ewwel Kummissarju Għoli mhux residenti ta' Malta fin-Namibja, li tkompli tespandi s-sehem diplomatiku ta' Malta f'dan ir-reġjun tal-Afrika.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  National Audit Office Malta hosts bilateral meeting with the Spanish Court of Audit

PR261929

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

Aktar Stqarrijiet Right arrow