Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Imnedija l-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024-2030 li tpoġġi lill-persuna fiċ-ċentru

pr240895
Date Icon 24/05/2024

Wara konsultazzjoni wiesgħa, illum il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, nieda l-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024-2030 il-ġdida li se tittrasforma s-settur edukattiv, billi tpoġġi lill-persuna fiċ-ċentru. L-istrateġija se tara wkoll li l-edukazzjoni tkun ta' kwalità, permezz ta' aktar appoġġ u għodda għall-edukaturi kif ukoll biex l-istudenti jilħqu l-potenzjal kollu tagħhom.

“Din hija strateġija li tkopri mhux biss dawn is-seba' snin li ġejjin, imma wkoll lill hinn u se tkompli ssaħħaħ wieħed mill-pilastri ewlenin tal-pajjiż, l-edukazzjoni. Din l-istrateġija hija l-ewwel waħda li ma tfasslitx f'uffiċċju, imma nbniet mill-qiegħ, mill-edukaturi, mill-istudenti u mill-ġenituri. Il-Ministeru jemmen bil-fatti li kull persuna li tilħaq il-potenzjal tagħha fil-perkors edukattiv tafu lill-edukaturi. Għalhekk l-edukaturi kienu ċentrali fit-tfassil ta' din l-istrateġija," qal il-Ministru Grima waqt it-tnedija.

Matul il-perjodu ta' konsultazzjoni saru 'l fuq minn 200 laqgħa, kemm esterni, interni kif ukoll ma' dawk kollha li jmissu mas-settur edukattiv u mal-pubbliku b'mod ġenerali.

L-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024-2030 tgħaqqad strateġiji oħrajn u għalhekk tħares lejn it-trasformazzjoni tas-settur b'mod ħolistiku.

Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, Matthew Vella, qal, “L-Istrateġija Nazzjonali tal-Edukazzjoni huwa dokument li twieled fl-iskejjel u fil-komunità permezz ta' djalogu u li ssarraf fi pjan ċar għall-edukazzjoni. Pjan li jikkunsidra kemm id-dinja li qiegħda tevolvi b'mod mgħaġġel u għalkemm l-istrateġija twassal sal-2030, permezz ta' esperti mill-OECD għandha viżibilità sal-2050. Hemm ħafna inizjattivi importanti fosthom il-programm Family-Community-School Link li se jsaħħaħ l-approċċ integrat, l-Edu Infrastructure Programme bi ppjanar fit-tul għall-manutenzjoni fl-iskejjel, ir-reviżjoni tal-kurrikulu u t-tranżizzjoni minn inizjattivi għal programmi akkreditati."

Din hija strateġija li tieħu kunsiderazzjoni ta' settur li huwa wieħed dinamiku u tħares lejn il-bżonnijiet emerġenti f'dinja li dejjem tinbidel. Strateġija li se tkun għodda importanti għall-edukaturi biex jgħinu lill-istudenti jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom u fl-istess ħin iwassluhom għall-bżonnijiet emerġenti. Fuq quddiem nett, hija strateġija li se twassal biex is-settur edukattiv ipoġġi lill-istudenti fiċ-ċentru ħalli jilħqu l-potenzjal massimu tagħhom.

Permezz ta' din l-istrateġija, qed jiġġedded l-impenn biex tingħata l-aqwa esperjenza edukattiva lil uliedna sa minn età żgħira, b'sistema edukattiva li tadatta aktar għall-bżonnijiet tat-tfal. Għalhekk l-istrateġija tħares lejn suġġetti li huma rilevanti u importanti fl-iżvilupp ekonomiku li għaddejjin minnu u tiżgura li t-tfal ħerġin mill-iskola primarja huma mħarrġa biżżejjed u għandhom il-ħiliet bażiċi biex ikomplu jibnu fuqhom għall-futur tagħhom.

L-istrateġija għandha bħala pilastri prinċipali l-Benessri, it-Tkabbir u Emanċipazzjoni u Ekwità u Inklużjoni.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Imnedija l-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024-2030 li tpoġġi lill-persuna fiċ-ċentru
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Imnedija l-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024-2030 li tpoġġi lill-persuna fiċ-ċentru
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  National Audit Office Malta hosts bilateral meeting with the Spanish Court of Audit

PR261929

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

Aktar Stqarrijiet Right arrow