STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Imnedija l-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024-2030 li tpoġġi lill-persuna fiċ-ċentru
Wara konsultazzjoni wiesgħa, illum il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, nieda l-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024-2030 il-ġdida li se tittrasforma s-settur edukattiv, billi tpoġġi lill-persuna fiċ-ċentru. L-istrateġija se tara wkoll li l-edukazzjoni tkun ta' kwalità, permezz ta' aktar appoġġ u għodda għall-edukaturi kif ukoll biex l-istudenti jilħqu l-potenzjal kollu tagħhom.
“Din hija strateġija li tkopri mhux biss dawn is-seba' snin li ġejjin, imma wkoll lill hinn u se tkompli ssaħħaħ wieħed mill-pilastri ewlenin tal-pajjiż, l-edukazzjoni. Din l-istrateġija hija l-ewwel waħda li ma tfasslitx f'uffiċċju, imma nbniet mill-qiegħ, mill-edukaturi, mill-istudenti u mill-ġenituri. Il-Ministeru jemmen bil-fatti li kull persuna li tilħaq il-potenzjal tagħha fil-perkors edukattiv tafu lill-edukaturi. Għalhekk l-edukaturi kienu ċentrali fit-tfassil ta' din l-istrateġija," qal il-Ministru Grima waqt it-tnedija.
Matul il-perjodu ta' konsultazzjoni saru 'l fuq minn 200 laqgħa, kemm esterni, interni kif ukoll ma' dawk kollha li jmissu mas-settur edukattiv u mal-pubbliku b'mod ġenerali.
L-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024-2030 tgħaqqad strateġiji oħrajn u għalhekk tħares lejn it-trasformazzjoni tas-settur b'mod ħolistiku.
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, Matthew Vella, qal, “L-Istrateġija Nazzjonali tal-Edukazzjoni huwa dokument li twieled fl-iskejjel u fil-komunità permezz ta' djalogu u li ssarraf fi pjan ċar għall-edukazzjoni. Pjan li jikkunsidra kemm id-dinja li qiegħda tevolvi b'mod mgħaġġel u għalkemm l-istrateġija twassal sal-2030, permezz ta' esperti mill-OECD għandha viżibilità sal-2050. Hemm ħafna inizjattivi importanti fosthom il-programm Family-Community-School Link li se jsaħħaħ l-approċċ integrat, l-Edu Infrastructure Programme bi ppjanar fit-tul għall-manutenzjoni fl-iskejjel, ir-reviżjoni tal-kurrikulu u t-tranżizzjoni minn inizjattivi għal programmi akkreditati."
Din hija strateġija li tieħu kunsiderazzjoni ta' settur li huwa wieħed dinamiku u tħares lejn il-bżonnijiet emerġenti f'dinja li dejjem tinbidel. Strateġija li se tkun għodda importanti għall-edukaturi biex jgħinu lill-istudenti jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom u fl-istess ħin iwassluhom għall-bżonnijiet emerġenti. Fuq quddiem nett, hija strateġija li se twassal biex is-settur edukattiv ipoġġi lill-istudenti fiċ-ċentru ħalli jilħqu l-potenzjal massimu tagħhom.
Permezz ta' din l-istrateġija, qed jiġġedded l-impenn biex tingħata l-aqwa esperjenza edukattiva lil uliedna sa minn età żgħira, b'sistema edukattiva li tadatta aktar għall-bżonnijiet tat-tfal. Għalhekk l-istrateġija tħares lejn suġġetti li huma rilevanti u importanti fl-iżvilupp ekonomiku li għaddejjin minnu u tiżgura li t-tfal ħerġin mill-iskola primarja huma mħarrġa biżżejjed u għandhom il-ħiliet bażiċi biex ikomplu jibnu fuqhom għall-futur tagħhom.
L-istrateġija għandha bħala pilastri prinċipali l-Benessri, it-Tkabbir u Emanċipazzjoni u Ekwità u Inklużjoni.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926