Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI: Liċenzjati l-ewwel 34 temping agencies – riforma storika fis-settur tax-xogħol f’pajjiżna

pr240892
Date Icon 23/05/2024

Ġew illiċenzjati l-ewwel 34 aġenzija tax-xogħol, magħrufa aħjar bħala temping agencies, sabiex b'hekk ikunu regolarizzati u konformi mal-liġijiet il-ġodda li daħlu fis-seħħ mill-bidu ta' din is-sena u li se jibdew jiġu infurzati mill-1 ta' Ġunju li ġej. 

Dawn il-liċenzji ngħataw waqt ċerimonja li preżenti għaliha kien hemm is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul. F'diskors li għamel f'din iċ-ċerimonja, is-Segretarju Parlamentari sostna li dan hu mument storiku għas-settur tax-xogħol f'pajjiżna u qed tiġi implimentata wkoll miżura elettorali oħra. 

Is-Segretarju Parlamentari Ellul spjega li dawn l-aġenziji tax-xogħol jaħdmu f'setturi diversi fost oħrajn bħala uffiċjali ta' sigurtà, fil-qasam tas-saħħa, f'xogħol amministrattiv, f'xogħol ta' tindif, f'oqsma speċjalizzati fil-qasam tal-ospitalità, f'servizzi tekniċi ta' sapport u anki dawk ta' reklutaġġ ta' ħaddiema professjonisti f'oqsma differenti. Spjega wkoll li l-operaturi liċenzjati ssodisfaw numru ta' kriterji u allura għandhom ċertu standards professjonali li jridu jżommu magħhom.

Dr Ellul saħaq li b'din ir-riforma u bil-liċenzjar ta' dawn l-aġenziji, l-awtoritajiet se jkollhom għall-ewwel darba viżibilità u monitoraġġ ta' min huma l-operaturi kollha fis-settur, b'mod partikolari l-ħaddiema barranin li huma rreġistrati magħhom. Sostna kif b'dawn il-liġijiet se jiġu lejn pajjiżna biss dawk il-ħaddiema li huma meħtieġa, waqt li jkun evitat l-abbuż tal-istess ħaddiema. 

“Dan kollu se jgħin biex nattiraw biss dawk il-ħiliet li huma ta' bżonn għall-ekonomija tagħna u b'hekk irridu niffukaw fuq il-kwalità u mhux il-kwantità, fejn se jkun hemm pagi u kundizzjonijiet aħjar għal ħaddiema wkoll," sostna s-Segretarju Parlamentari.

Huwa semma l-proċess rigoruż biex illum qed jingħataw dawn il-liċenzji. Dan wara taħditiet mal-partijiet kollha, fosthom dawn l-istess aġenziji tax-xogħol u l-imsieħba soċjali. Intqal kif kien hemm appoġġ kbir f'dawk involuti fis-settur tax-xogħol. Dan bil-għan biex ikomplu jsaħħu dan is-settur tant kruċjali f'pajjiżna, biex kulħadd ikompli jgawdi mill-ġid ekonomikament. 

“Ħloqna pakkett ta' regolamenti li mhux biss se jgħin biex nipproteġu d-drittijiet tal-ħaddiema b'mod iktar tanġibbli, iżda wkoll se jgħin lill-aġenziji tax-xogħol, fl-operat tagħhom b'qafas regolatorju iktar b'saħħtu u robust," temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul.

F'dan l-avveniment tkellmu wkoll is-Segretarju Permanenti Jonathan Vassallo u ċ-Chairperson tal-Working Committee Stephen McCarthy.

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI: Liċenzjati l-ewwel 34 temping agencies – riforma storika fis-settur tax-xogħol f’pajjiżna
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI: Liċenzjati l-ewwel 34 temping agencies – riforma storika fis-settur tax-xogħol f’pajjiżna
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  National Audit Office Malta hosts bilateral meeting with the Spanish Court of Audit

PR261929

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

Aktar Stqarrijiet Right arrow