STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Ġustizzja mal-vittmi tat-Thalidomide
Madwar miljun ewro f'kumpens lil 25 persuna
Tqassam l-ewwel pagament minn kważi miljun ewro f'kumpens lil 25 persuna li ġew ikkonfermati li qed isofru xi forma ta' diżabilità wara t-teħid tal-mediċina Thalidomide.
Dan ħabbritu l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli waqt konferenza tal-aħbarijiet.
Il-Gvern kien beda proċess ta' evalwazzjoni rigoruż biex jevalwa t-talbiet għal kumpens minn dawk milquta. Din l-evalwazzjoni saret minn bord mediku indipendenti, fejn intlaqgħu 40 applikazzjoni. Minn dawn l-40 applikazzjoni rriżulta li huma 25 li d-diżabilità tagħhom hija kawża tat-teħid tal-pillola Thalidomide.
Il-Gvern ħa d-deċiżjoni li jħaffef il-pagamenti u jiżgura li l-kumpens finanzjarju jasal għand il-vittmi b'mod aktar spedit, tant li l-pagamenti se jkunu issa qed jitqassmu fuq medda ta' 3 snin, minflok 7 snin, bl-ewwel pagament maħruġ din is-sena, bit-tieni u t-tielet pagament jitħallsu fl-2025 u l-2026 rispettivament. Din id-deċiżjoni turi l-impenn tal-Gvern li jagħmel ġustizzja mill-aktar fis mal-vittmi tat-Thalidomide.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli fissret kif għal darb'oħra dan il-Gvern irrimedja inġustizzja u li permezz ta' din l-iskema saret ġustizzja minkejja l-weġgħat tal-passat. “Smajna u fhimna l-messaġġ ta' dawn il-vittmi. Minkejja l-fatt li xejn ma joqgħod ħdejn is-saħħa tal-bniedem, dan il-kumpens se joffri ġustizzja lil dawn il-vittmi li batew biżżejjed, għal żmien twil," temmet tgħid il-Ministru Farrugia Portelli.
Dan il-kumpens ta' darba ex gratia nħadem fuq formula li tieħu f'kunsiderazzjoni fost oħrajn il-persentaġġ tad-diżabilità u l-età tal-persuna fil-preżent. Ġie spjegat kif l-inqas ammont li se jingħata huwa ta' €22,537 filwaqt li l-ogħla ammont huwa ta' €68,815.
Lura fis-snin sittin, il-pillola tat-Thalidomide kienet normalment preskritta lil nisa tqal li kienu jbatu mill-morning sickness. Minkejja li fl-1961 din il-pillola kienet ġiet projbita fuq livell internazzjonali, din baqgħet disponibbli f'Malta sal-1968. Din il-pillola kienet il-kaġun ta' numru ta' korrimenti waqt it-tqala u tfal li twieldu b'deformitajiet.
Preżenti waqt il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Nancy Caruana u l-25 persuna li kkwalifikaw għall-kumpens fejn irċevew l-ewwel ħlas dovut lilhom.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926