STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U L-ANZJANITÀ ATTIVA Investiment ta’ €6 miljun għal proċeduri bl-IVF
Il-Gvern se jkun qed jinvesti €6 miljun għal proċeduri tal-IVF. Dan wara li ftit tal-ġimgħat ilu ġiet estiża l-iskema ta' rifużjoni tal-mediċini tal-IVF lil dawk il-ġenituri prospettivi li għamlu jew se jagħmlu t-trattament ta' prokreazzjoni medikament assistita fi kliniċi liċenzjati privati f'Malta.
Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela sostna li l-Gvern kommess li jibqa' jagħti s-sostenn meħtieġ u jkompli jtejjeb is-servizz offrut. “Il-Gvern jifhem li kull ġurnata ta' stennija hija ġurnata li tista' twassal li jintilef iċ-ċans għal min qed ifittex servizz biex isir ġenitur. Għaldaqstant, il-Gvern impenjat li jipprovdi servizzi tal-IVF bla interruzzjoni biex tkompli tinżamm l-ogħla effiċjenza fl-indirizzar tal-listi ta' stennija."
Il-ministru spjega li wara diskussjonijiet li saru mar-regolatur ewlieni ta' dan is-settur, l-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijun (EPA), il-Gvern se jkun qed jidħol f'negozjati mal-uniku “Tissue Establishment" liċenzjat f' Malta u li joffri s-servizzi kollha tal-IVF fil-privat.
Huwa kompla jispjega li fi żmien sitt xhur, se jkunu qed joffru s-servizz lil madwar 650 ġenituri prospettivi bl-ispiża kollha titħallas mill-Gvern. Dawn jinkludu 300 ġenituri prospettivi li se jkunu qed jagħmlu l-IVF; madwar 200 ġenituri prospettivi oħra li llum għandhom l-embrijuni krijopreservati f'Mater Dei u qed jistennew “embryo transfer"; madwar 100 ġenituri prospettivi li qed jistennew IVF bl-użu ta' “donor oocytes" jew “donor sperm"; u madwar 50 ġenituri prospettivi li ser jingħataw is-servizz tal-IUI kif ukoll s-servizz ta' PGTM fejn meħtieġ.
“Dan qed isir sabiex filwaqt li nnaqqsu ż-żmien ta' stennija, il-ġenituri prospettivi se jkunu qed jirċievu s-servizz meħtieġ minnufih, bl-ispiża tiegħu se jkun qed ikoprija l-Gvern," temm jgħid il-ministru.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926