STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL Għaxar snin ta’ childcare b’xejn – storja ta’ suċċess
Nefqa ta’ €46 miljun fuq l-iskema fl-2023
Ġie mfakkar l-għaxar anniversarju mill-introduzzjoni tal-iskema taċ-childcare bla ħlas f’pajjiżna. Sa mill-bidu tal-iskema fl-2014, il-programm tqies bħala wieħed kruċjali biex jindirizza l-isfidi ta’ ġenituri, b’mod speċjali nisa, fis-suq tax-xogħol.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri saħaq li meta l-Gvern ipprovda ċ-childcare bla ħlas u aċċessibbli għal kulħadd, mhux biss appoġġa lill-ġenituri li jaħdmu iżda saħħaħ is-suq tax-xogħol u xpruna wkoll it-tkabbir ekonomiku. Kompla li dan l-anniversarju huwa ċelebrazzjoni ta’ emanċipazzjoni, ugwaljanza u progress għall-familji kollha.
L-iskema taċ-childcare bla ħlas għolliet ir-rata ta’ impjieg tal-mara f’pajjiżna. Ċifri tal-aġenzija Jobsplus, li tamministra u tiffinanzja l-iskema, juru li fl-aħħar għaxar snin aktar minn 22,500 omm użaw is-servizz taċ-childcare b’xejn. Kważi 98% huma nisa jaħdmu, filwaqt li oħrajn segwew opportunitajiet ta’ edukazzjoni u taħriġ.
L-impenn ta’ Malta li tagħti s-setgħa lill-ommijiet li jidħlu fid-dinja tax-xogħol ta riżultati sostanzjali fl-aħħar għaxar snin. Fl-2013 meta ċ-childcare kien bi ħlas, erbgħa minn kull għaxar nisa kienu attivi fis-suq tax-xogħol Malti, filwaqt li fl-Unjoni Ewropea r-rata kienet ta’ sitta minn kull għaxar nisa. Fl-2023 ir-rata ta’ nisa attivi fis-suq tax-xogħol f'Malta kienet ta’ aktar minn sebgħa minn kull għaxar nisa, filwaqt li r-rata fl-Unjoni Ewropea hija ta’ sebgħa minn kull għaxar nisa.
Qabel ma ċ-childcare sar bla ħlas għal kulħadd fl-2014, kien hemm 1,800 tifel u tifla f’69 ċentru f’pajjiżna. Dis-sena hemm kważi 8,960 tifel u tifla li qed jattendu b’xejn f’wieħed mill-188 ċentru għaċ-childcare. Tfal ta’ bejn tliet xhur u tliet snin huma eliġibbli li jidħlu bla ħlas f’wieħed miċ-ċentri taċ-childcare.
Din l-inizjattiva kienet suċċess għaliex kien hemm kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-privat fi skema ffinanzjata mill-Gvern sabiex il-ġenituri ma jkollhomx spejjeż addizzjonali. Is-sena li għaddiet, in-nefqa fuq l-iskema taċ-childcare kienet ta’ €46 miljun – disa’ darbiet aktar milli kienet fl-2013.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Jobsplus Leonid Mckay fakkar li l-iskema taċ-childcare b’xejn ġiet imfaħħra mill-Kummissjoni Ewropea għall-effettività tagħha fil-promozzjoni tal-impjieg u flessibbiltà bejn ix-xogħol u l-familja. Huwa spjega li bl-istess mod li Jobsplus ħadmet b’mod eċċellenti din l-iskema li minnha gawdew il-familji Maltin u Għawdxin fl-aħħar snin, hemm impenn li din l-iskema tkompli tissaħħaħ u li s-servizz ikompli jitjieb fis-snin li ġejjin.
Stqarrijiet Oħra:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926