STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI Waslu fl-aħħar stadju x-xogħlijiet li għaddejjin fuq l-Ispazju Internazzjonali tal-Arti Kontemporanja ta’ Malta
Permezz ta’ dan il-proġett, tnax-il tomna fil-Furjana se jingħataw lura lill-pubbliku bis-saħħa tal-arti
Ix-xogħlijiet fuq l-ewwel Spazju Internazzjonali tal-Arti Kontemporanja f’pajjiżna (MICAS) daħlu fl-istadju finali sabiex f’Ottubru tal-2024 dan il-kumpless jiġi inawgurat u b’hekk iktar minn tnax-il tomna fil-Furjana se jingħataw lura lill-pubbliku bis-saħħa tal-arti.
Waqt żjara fuq il-post flimkien ma’ numru ta' artisti u rappreżentanti mill-Aġenzija li tmexxi l-MICAS u d-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici fakkar li l-kumpless kollu qed isir b’investiment totali ta’ €30 miljun, b’parti minnhom - €8.2 miljun - ġejjin minn fondi Ewropej.
Huwa qal li l-kumpless se jkun magħmul mill-Ispazju tal-Galleriji li se jkun mifrux fuq erba’ livelli u għandu medda ta’ 4,000 metru kwadru u kif ukoll spazji għall-artisti, ġonna u żoni pubbliċi, ristorant u uffiċini amministrattivi li jżewqu flimkien aspetti kontemporanji f’kuntest ta’ swar militari storiċi.
L-għan tal-kumpless hu li joffri spazji għall-esibizzjonijiet u installazzjonijiet artistiċi kontemporanji, kemm għall-Maltin kif ukoll għall-barranin li jżuruna u b’dan il-mod isem pajjiżna se jitpoġġa fuq il-mappa dinjija bħala destinazzjoni għal min irid igawdi s-sbuħija tal-arti kontemporanja.
Il-Ministru Bonnici tenna li dan il-proġett tal-MICAS huwa wieħed mill-proġetti mwiegħda mill-Gvern bħala parti mill-manifest elettorali tiegħu. Tenna li apparti r-riġenerazzjoni tal-fortifikazzjonijiet, is-sit se jkollu wkoll żona ħadra biex titgawda mill-familji u l-viżitaturi.
“Dan il-Gvern dejjem emmen li Malta jistħoqqilha li tkun protagonista fejn jidħlu wirjiet artistiċi kontemporanji u djalogi kulturali tal-ogħla livell internazzjonali. Inħares ’il quddiem biex nara dan is-sit jittrasforma fi spazju kreattiv, b’arkitettura unika li verament iservi bħala pjattaforma għall-iżvilupp futur tal-industrija kreattiva tagħna,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.
Iċ-Chairperson tal-MICAS Phyllis Muscat rringrazzjat lill-membri tal-bord tal-MICAS talli mexxew ’il quddiem dan il-proġett għall-mużew tal-arti kontemporanja. “Ix-xogħlijiet biex jinbidel il-Counterguard ta’ San Salvatore fil-galleriji ta’ barra tal-MICAS u l-Ġnien tal-Iskulturi mxew b’pass kostanti minkejja l-isfidi esterni. Qed ikompli x-xogħol ukoll biex MICAS jiġi stabbilit bħala pjattaforma internazzjonali dinamika għall-arti kontemporanja, u dan sar anke waqt li żviluppajna l-programm artistiku internazzjonali tagħna b’konferenzi edukattivi u weekends annwali tal-arti,” saħqet is-Sa Muscat.
Stqarrijiet Oħra:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926