STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ARTIJIET U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI L-Awtorità tal-Artijiet tgħaddi binja storika lill-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara
Binja fiż-żona tal-Imrieħel li fil-passat kienet tintuża bħala mitħna se tgħaddi formalment għand il-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara wara ftehim li ġie ffirmat bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli waqt żjara fuq il-post li matulha ġie ffirmat il-ftehim tad-devoluzzjoni.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi qal li grazzi għal dan il-ftehim li sar mal-Awtorità tal-Artijiet, il-Kunsill Lokal ta’ Birkirkara se jkun jista’ jibda proġett ta’ restawr u rinnovazzjoni sabiex din il-binja terġa’ tieħu lura l-preġju tagħha u tibda tintuża mill-komunità Karkariża għal diversi attivitajiet.
Il-Ministru spjega kif dan il-Kunsill se jkun ukoll qed jibbenefika mill-iskema tal-capping fuq il-kirja li tħabbret fil-bidu ta’ din is-sena. Permezz ta’ din l-iskema, il-kirja tal-binja se tkun imraħħsa għal €500 biss fis-sena minflok il-valur propju tal-kirja li kien jilħaq €4,046. B’hekk dawn il-flus li se jibqgħu f’idejn il-Kunsill se jkunu jistgħu jiġu utilizzati f’proġetti oħrajn f’din il-lokalità.
“Bħala Gvern qed naħdmu biex filwaqt li nippreservaw u nmantnu dawn il-binjiet storiċi, naraw kif nerġgħu nagħtuhom użu biex ikunu ta’ benefiċċju għall-komunitajiet fejn jinsabu. Għaldaqstant qed niddiskutu mal-Kunsilli Lokali u mal-għaqdiet biex fejn art pubblika li potenzjalment tista’ tiġi utilizzata għal ġid tal-komunità, nibdew diskussjoni u naraw kif din l-art nagħtuha użu,” temm jgħid il-Ministru Zrinzo Azzopardi.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet kif din il-binja li oriġinarjament kienet mitħna iżda mal-milja taż-żmien sfat abbandunata se terġa’ tieħu l-ħajja permezz ta’ proġett tal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara. Dan hu turija ta’ fiduċja mill-Gvern fil-kunsilli lokali, din id-darba ta’ Birkirkara, li jistgħu jmexxu proġetti kbar bħal dawn.
“Minkejja li dan il-post mhux ser jerġa’ jintuża bħala mitħna, ser jiġi rinovat fi spazju għall-użu ta’ għaqdiet Karkariżi. Birkirkara hi lokalità ferm attiva u allura tinkludi fiha diversi għaqdiet, u hu tajjeb li dawn ikollhom post adegwat fejn fih jistgħu jiltaqgħu u jtellgħu l-attivitajiet tagħhom,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.
Is-Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara Joanne Debono Grech esprimiet is-sodisfazzjoni tagħha għall-ftehim tad-devoluzzjoni li ġie ffirmat.
Stqarrijiet Oħra:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926