STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI 5,200 student u 600 għalliem iżuru l-Public Service Expo24
Kien nofstanhar speċjali għal 5,200 student u 600 għalliem minn skejjel medji u sekondarji li kellhom l-opportunità li jżuru l-Public Service Expo24 li qiegħda tittella' ġewwa l-MFCC f'Ta' Qali. L-istudenti setgħu jsegwu mill-qrib il-ħidma tal-amministrazzjoni pubblika, attivitajiet ferm interessanti u anke kellhom iċ-ċans li jieħdu sehem f'kompetizzjonijiet imfassla għalihom.
Fost dawn l-istudenti kien hemm madwar 500 student li ġew minn Għawdex. Il-bqija minn skejjel differenti minn kull rokna ta' Malta.
Fost l-aktar li laqtu interess kien hemm l-istands fuq ġewwa tad-dipartimenti u entitajiet, fejn ħafna wrew ix-xewqa li anke huma la jikbru, jissieħbu fl-amministrazzjoni pubblika u jfittxu karriera li tagħtihom sodisfazzjon. Fuq barra, l-istudenti setgħu jieħdu sehem f'attivitajiet fiżiċi fosthom f'korsa tal-ostakli u sports, kif ukoll setgħu jsegwu numru ta' shows fosthom dawk relatati ma' salvataġġ f'emerġenzi, u wirjiet tal-klieb minn K9 units differenti wkoll. Hawnhekk serqet il-qlub tal-istudenti l-mascot tal-Public Service Expo24, kelba irtirata tad-dwana bl-isem ta' Sophie.
Wara li żaru l-Public Service Expo24, l-istudenti ma setgħux ma jitilqux bi tbissima fuq fommhom hekk kif ingħataw oġġetti ta' tifkira u merchandise uniku għall-okkażjoni.
Kull min għadu ma żarx il-Public Service Expo għadu biċ-ċans li jagħmel dan fil-jumejn li ġejjin -
Is-Sibt, 18 u l-Ħadd, 19 ta' Mejju mill-10.00 a.m. sal-4.00 p.m.
Id-dħul għall-pubbliku huwa b'xejn u se jkun min-North Entrance tal-MFCC fejn hemm spazju kbir allokat għall-parkeġġ.
Reġistrazzjoni għall-Expo tista' ssir minn https://pseregistration.gov.mt/registrazzjoni/ jew dakinhar stess mal-wasla tiegħek.
Kull min jixtieq aktar tagħrif għandu jsegwi l-paġni soċjali tas-Servizz Pubbliku.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926