STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL €10 miljun għat-taħriġ fil-ħiliet tal-ħaddiema
Għaxar miljun ewro ġew allokati f'għajnuna finanzjarja lill-intrapriżi kollha lokali li jridu jinvestu f'taħriġ tal-impjegati tagħhom. It-tiġdid tal-iskema “Investing in Skills", imħaddma minn Jobsplus u ko-finanzjata minn fondi Ewropej, taħseb biex tiżviluppa l-ħiliet ta' dawk li diġà huma fid-dinja tax-xogħol sabiex jiksbu ħiliet ġodda li jkunu aktar adattati għal ħtiġiet tas-suq tax-xogħol.
Dettalji dwar t-tiġdid tal-iskema ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri u l-Kap Eżekuttiv ta' Jobsplus Leonid Mckay.
Fl-iskema ta' qabel kienu ġew investiti aktar minn €7.6 miljun f'taħriġ li minnu gawdew 1,200 intrapriża ta' kull daqs. B'kollox tħarrġu 'l fuq minn 22,000 ħaddiem f'aktar minn 45,000 esperjenza ta' taħriġ.
Il-Ministru Byron Camilleri qal li l-iskema, li minnha jgawdu kemm il-ħaddiema u anke min iħaddem, tnebbħet mill-politika tal-gvern li tinċentiva lil min iħaddem biex jinvesti u joħloq kwalità ta' xogħol aħjar għax ħadd ħlief min iħaddem m'għandu l-aqwa għarfien dwar il-ħiliet li għandhom bżonn l-impjegati tiegħu.
“Fl-aħħar snin r-rata ta' tkabbir ekonomiku ta' Malta u ta' dawk fid-dinja tax-xogħol kienu fost l-ogħla fl-Unjoni Ewropea u l-iskema tgħin tindirizza l-isfida ta' nuqqas ta' ħaddiema b'ħiliet speċjalizzati għax persważ li min iħaddem jippreferi jħarreġ lin-nies li għandu milli jġib ħaddiem minn barra. L-investiment fil-ħiliet iwassal lill-ħaddiema jkunu innovattivi u armati biex l-isfidi varji li pajjiżna jaffronta jiddawru f'opportunitajiet," temm jgħid il-ministru.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv Leonid McKay qal li din l-akbar skema ta' taħriġ ta' Jobsplus taqdi għat-talba tal-intrapriżi lokali li jaraw l-għajnuna esterna biex iħarrġu lill-ħaddiema tagħhom bħala l-aktar miżura effettiva. Dan billi tħarreġ lill-impjegati waqt li jkunu qed jaħdmu, tinvesti fil-ħiliet tagħhom u anke ttejjeb il-kwalità tal-impjieg u l-produttività.
L-iskema mġedda ta' “Investing in Skills" tkopri l-ispejjeż marbuta mal-paga ta' min jitħarreġ waqt li jaħdem, il-ħlas tat-taħriġ u saħansitra l-ispejjeż amministrattivi indiretti. Taħseb ukoll għal sussidju ogħla fuq ir-rata ta' siegħa xogħol tas-salarju ta' ħaddiem li jkun qed jitħarreġ li se tkun marbuta mar-rata medja tas-salarji u mhux mal-paga minima nazzjonali. L-assistenza se tingħata skont id-daqs tal-intrapriża, b'kumpaniji kbar jingħataw 50% tar-rata, dawk medji 60% u ż-żgħar 70%.
Stqarrijiet Oħra:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926