STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Responsabbiltà tas-Sigurtà fl-Ikel
Il-Gvern jirreferi għall-istqarrija li saret mill-Malta Environmental Health Officers Association (MEHOA) dwar ir-responsabbiltà tas-Sigurtà fl-Ikel.
Il-kontrolli tas-sigurtà tal-ikel f'Malta dejjem kienu r-responsabbiltà kondiviża ta' tliet Ministeri, jiġifieri l-Ministeru responsabbli għall-Ikel u l-Agrikoltura, is-Saħħa u l-Ħarsien tal-Konsumatur u li huma mifruxa fi ħdax-il entità b' sorveljanza frammentata. Huwa għalhekk li fil-Manifest Elettorali tal-2022, il-Gvern ippropona l-konsolidazzjoni tal-kontrolli tal-ikel taħt entità waħda.
Bħala riżultat ta' dan, il-Ministeru għall-Agrikoltura, s-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, li huwa responsabbli għall-portafoll tal-ikel, ġie assenjat il-kompitu li jikkonsolida l-funzjonijiet tal-kontroll tal-ikel. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għas-Sigurtà fl-Ikel (KSI) li kienet stabbilita fl-2002 u li l-mandat tagħha huwa li tissorvelja, tikkoordina u żżomm taħt reviżjoni l-prattiki, l-operat u l-attivitajiet kollha relatati mal-ikel, ġiet assenjata bħala parti mill-Portafoll tal-Ministeru għall-Agrikoltura, s-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali minn April 2022.
F'konformità mal-Programm ta' Ħidma tal-Gvern ibbażat fuq il-Manifest Elettorali tal-2022, il-Ministeru għall-Agrikoltura, s-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali bdiet inizjattiva trasformattiva biex tistabbilixxi awtorità ġdida bir-responsabbiltà li tissorvelja s-sostenibbiltà, is-sikurezza, u s-sigurtà fl-ikel fil-pajjiż. Dan juri livell għoli ta' impenn għas-sikurezza, il-kwalità u s-sigurtà fl-ikel u jipprovdi approċċ integrat għat-teħid ta' deċiżjonijiet ibbażati fuq ir-riskju, l-allokazzjoni tar-riżorsi u l-azzjoni tul il-katina tal-ikel kollha mir-razzett sal-mejda.
Saret analiżi ta' livell għoli u pjan li jinkludi l-istrateġija, l-istruttura u s-sistemi proposti li se jservu bħala l-pedament għall-awtorità ġdida, li għandha tiġi ffurmata permezz tal-konsolidament ta' entitajiet eżistenti.
Il-proċess tmexxa mill-KSI li fiha ġew ikkonsultati l-partijiet interessati rilevanti kollha fejn ntalbu jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa għal dan l-eżerċizzju. B' differenza mill-istqarrija magħmula mill-MEHOA, il-Ministeru għall-Agrikoltura, s-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali ltaqa' mal-mexxejja tagħha sa minn Ġunju 2022, fejn ġew infurmati dwar il-proċess ta' implimentazzjoni tal-miżura tal-manifest.
It-twaqqif ta' awtorità unika responsabbli għas-sikurezza u s-sigurtà fl-ikel mhux biss mhux se ddgħajjef is-sikurezza tal-ikel u l-professjoni ta' dawk involuti, iżda ser twassal għal tisħiħ, billi ġġib flimkien il-funzjonijiet kollha ta' kontroll tal-katina tal-ikel f'amministrazzjoni waħda, skont il-loġika tar-Regolament tal-Unjoni Ewropeja 2017/625. Dan se jġib diversi vantaġġi għall-uffiċjali tal-awtorità, il-partijiet interessati u l-konsumaturi permezz tas-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi, l-applikazzjoni armonizzata tar-regolamenti u l-proċessi ta' kontroll, il-kondiviżjoni tal-għarfien u l-kompetenza miżjuda bi rwoli, u b'responsabbiltà definiti b'mod ċar.
Il-Gvern dejjem saħaq il-fatt li kif ġara fil-passat bit-twaqqif tad-diversi awtoritajiet u aġenziji pubbliċi, hekk kif preskritt fil-leġiżlazzjoni Maltija, l-uffiċjali pubbliċi li se jkunu assenjati fi ħdan l-awtorità l-ġdida se jżommu d-drittijiet u dmirijiet kollha bħala uffiċjali pubbliċi u li t-termini u l-kondizzjonijiet tas-servizz tagħhom ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li huma mehmuża mal-ħatra tagħhom fis-servizz pubbliku. Bl-istess mod jingħad għal professjoni tal-uffiċjali involuti f' dan il-proċess u li bħal ma dejjem sar, jitkomplew id-diskussjonijiet mal-partijiet kollha interessati.
Stqarrijiet Oħra:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926