STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI It-teknoloġija tgħinna nkunu aktar effiċjenti
Varat il-portal geohub.gov.mt
F'għeluq konferenza bit-tema “Ħiliet u Karrieri," il-Kap tal-Amministrazzjoni Pubblika nieda portal ġdid, geohub.gov.mt, li permezz tiegħu ċ-ċittadini se jkunu jistgħu jakkwistaw informazzjoni real time. Fost oħrajn, wieħed ikun jista' jsib tagħrif dwar fejn jinsabu uffiċini tal-Gvern, bereġ u sptarijiet, spiżeriji, faċilitajiet sportivi, skejjel u childcare centres, siti storiċi, mużewijiet u attrazzjonijet taħt il-baħar, toroq u tagħrif ieħor. Din f'konferma oħra li jekk nużaw dejjem iktar it-teknoloġija, inkunu nistgħu nressqu s-servizzi tagħna dejjem aktar qrib iċ-ċittadin.
Fl-għeluq tat-tieni konferenza tal-Public Service Expo24, li trattat il-ħiliet u karrieri fl-amministrazzjoni pubblika, is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Tony Sultana, sostna illi t-teknoloġija qiegħda hemm biex tgħinna nsiru aktar effiċjenti f'xogħolna u mhix biex toħdilna l-impjieg. It-tibdil li jsir ta' kuljum bil-progress teknoloġiku li qabad pass mgħaġġel ħafna, irridu nilqgħuh b'idejna miftuħa biex inkomplu nevolvu għall-aħjar is-servizzi tagħna.
F'din il-konferenza, li għaliha kienu mistiedna impjegati minn skala 5 sa 10, iffukat fuq il-ħiliet varji li għandna fl-amministrazzjoni pubblika, kif ukoll fuq il-karrieri ta' sodisfazzjon li wieħed jista' jiżviluppa. F'messaġġ lill-impjegati li kellu quddiemu, is-Sur Sultana inkoraġġihom ifittxu l-iżvilupp professjonali tagħhom għax fl-amministrazzjoni għandna għodod importanti għal żvilupp fil-karriera. Huwa rrefera wkoll għall-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi bħala sieħeb strateġiku fl-iżvilupp tal-impjegati kif ukoll l-Employee Support Programme li joffri servizzi għal impjegati f'diffikultà.
Huwa importanti li l-ħiliet tal-impjegati tagħna nieħdu ħsiebhom u ntejbuhom kontinwament, fl-istess waqt li noffru possibbiltà ta' karriera b'saħħitha. B'hekk biss inkunu qed insaħħu l-amministrazzjoni pubblika biex noffru servizzi eċċellenti, temm jgħid is-Sur Sultana.
Stqarrijiet Oħra:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926