Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI Tiftaħ il-Public Service EXPO24 b’Konferenza għall-Kapijiet

pr240822
Date Icon 15/05/2024

“L-Amministrazzjoni Pubblika trid tibqa' tinvesti fil-ħiliet tal-uffiċjali pubbliċi. Irridu nkunu kapaċi nibqgħu nimmodernizzaw u ninbidlu" – Tony Sultana, Segretarju Permanenti Ewlieni

Ġewwa l-MFCC, Ta' Qali, fetħet il-Public Service Expo24 b'konferenza għall-kapijiet tal-amministrazzjoni pubblika. Il-konferenza ġiet indirizzata mis-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Tony Sultana, li tenna li qatt daqs illum ma tinħass il-ħtieġa li l-amministrazzjoni pubblika tkompli tinvesti fil-ħiliet tal-impjegati tagħha. Huwa tenna li hekk kif ninsabu fi żmien bla preċedent, fejn kollox qed jinbidel b'pass mgħaġġel, il-ħiliet tal-uffiċjali pubbliċi wkoll iridu jibqgħu jevolvu.

Is-Sur Sultana sostna li l-ħiliet tal-impjegati kollha huma importanti, mhux biss dawk li kisbu ċertifikati formali. Il-ħaddiema tal-id għandhom jiġu trattati b'kull rispett għax kisbu ċertifikati fl-“università tat-triq". Huwa rrefera wkoll għall-impjegati ġodda ta' età żgħira, magħrufa bħala l-Gen Z. Dawn huma impjegati li jħarsu lejn il-ħajja b'mod differenti u allura qabel ma nagħtuhom lezzjonijiet, irridu nifhmuhom. Huwa sejħilhom impjegati ta' kuraġġ, b'ambizzjonijiet u kapaċitajiet kbar u li ma jibżgħux ibiddlu. “Il-kapaċità tagħna għandha tkun dik li mhux biss nattirawhom lejn l-amministrazzjoni pubblika imma wkoll li nżommuhom magħna u ntellgħuhom aħjar minna."

Il-Kap tal-Amministrazzjoni Pubblika rrefera wkoll għall-uffiċjali fis-settur tat-teknoloġija u xprunahom biex jibqgħu preparati sabiex jibqgħu jaġġornaw il-ħiliet tagħhom. Il-ħidma f'dan il-qasam se tiffoka fuq kif nistgħu nanalizzaw l-volum kbir ta' data u informazzjoni, kif nipproteġu s-sistemi tagħna u nużaw l-għodod kollha li t-teknoloġija qed tpoġġi għad-dispożizzjoni tal-bniedem. Huwa enfasizza li f'dan kollu, irridu nkunu lesti għall-bidliet u nkunu kuraġġużi.

Is-Sur Tony Sultana ta ħarsa lejn il-bidliet kbar li saru fl-amministrazzjoni pubblika u li se jkomplu jsiru fosthom dehriet diġitali ġodda, il-prattiċi moderni ta' xogħol u t-tibdil f'diversi proċeduri. Huwa qal li f'dawn l-aħħar sentejn kienu magħluqa iktar minn 65 ftehim kollettiv li minnhom ibbenifikaw mill-inqas 15,000 impjegat. B'dan kollu, l-amministrazzjoni pubblika kisbet riżultati qawwija f'miżuri tal-baġit li twettqu, u twettiq ta' rakkomandazzjonijiet tal-Awditur Ġenerali u tal-Ombudsman.  

Il-Kap tal-Amministrazzjoni Pubblika qal ukoll li fl-Expo ta' din is-sena se jitħabbru aktar riformi u inizjattivi fosthom dik fil-flotta tal-vetturi tal-Gvern fejn se jibdew jiġu utilizzati madwar 350 karozza elettrika. Apparti minn hekk se jiġu ssiġillati tliet ftehimiet kollettivi għal ħaddiema ta' diversi livelli fosthom dawk tal-general service grades, il-management stream u l-ħaddiema tal-id. Dan kollu jista' jseħħ mhux biss b'teknoloġija qawwija imma wkoll bil-ħiliet tal-uffiċjali pubbliċi.

Huwa ħabbar ukoll li s-sit elettroniku tas-Servizz Pubbliku fuq www.publicservice.gov.mt ġie rinnovat b'numru ta' features ġodda. Is-sit ingħata wkoll dehra ġdida biex isir aktar aċċessibbli.

Is-Sur Tony Sultana għalaq il-messaġġ tiegħu billi ħeġġeġ lill-uffiċjali pubbliċi sabiex ikunu kburin li jagħmlu parti mill-amministrazzjoni pubblika għax kulħadd huwa importanti u għandu ħiliet imprezzabbli.

Apparti d-diskors tas-Segretarju Permanenti Ewlieni, segwit ukoll diskussjoni bit-tema “Insaħħu l-Ħiliet".

Il-ħinjiet li l-Public Service Expo se tkun miftuħa għall-pubbliku huma dawn:

L-Erbgħa, 15 ta' Mejju min-12.30 p.m. sas-7.00 p.m.

Il-Ħamis, 16 ta' Mejju min-12.30 p.m. sas-7.00 p.m.

Il-Ġimgħa, 17 ta' Mejju min-12.30 p.m. sal-5.00 p.m.

Is-Sibt, 18 u l-Ħadd, 19 ta' Mejju mill-10.00 a.m. sal-4.00 p.m.

Kull min jixtieq ikollu aktar informazzjoni għandu jsegwi l-paġni soċjali tas-Servizz Pubbliku fuq Facebook u Instagram.

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI Tiftaħ il-Public Service EXPO24 b’Konferenza għall-Kapijiet
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  National Audit Office Malta hosts bilateral meeting with the Spanish Court of Audit

PR261929

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

Aktar Stqarrijiet Right arrow