STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA Sessjoni tar-Rebbiegħa tal-Grupp ta’ Ħidma tal-EUROSAI dwar l-Awditjar Ambjentali (EWGEA)
Fil-15 u s-16 ta' Mejju 2024, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika ta' Malta (NAO) se jospita s-Sessjoni tar-Rebbiegħa tal-Grupp ta' Ħidma tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar (European Organisation of Supreme Audit Institutions - EUROSAI) dwar l-Awditjar Ambjentali (EUROSAIWorking Group on Environmental Auditing - EWGEA). Tmienja u sebgħin delegat minn 30 Istituzzjoni tal-Awditjar tal-Istat (Supreme Audit Institution - SAI) qed jipparteċipaw f'din il-laqgħa. It-tema li ġiet magħżula għal din is-Sessjoni hija s-Sigurtà tal-Enerġija. Mill-perspettiva ta' SAI, dan is-suġġett huwa wieħed importanti ħafna kemm minħabba l-impatt soċjoekonomiku u ambjentali kif ukoll l-ammont sostanzjali ta' fondi li jiġu allokati mill-gvernijiet biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-enerġija b'mod affidabbli u affordabbli. Barra minn hekk, is-sigurtà tal-enerġija tirrikjedi wkoll li l-pajjiżi kemm jista' jkun jikkontrollaw ir-riskji relatati tal-qtugħ fil-provvista, mal-varjazzjonijiet fil-prezzijiet, kif ukoll aspetti ġeopolitiċi.
Fl-indirizz tal-ftuħ tal-laqgħa, l-Awditur Ġenerali s-Sur Charles Deguara rrimarka li l-NAO jagħraf l-importanza tas-sigurtà tal-enerġija għas-soċjetà kollha. Żied jgħid li, filwaqt li l-isfidi ta' Malta biex tiżgura l-bżonnijiet tal-enerġija tagħha jista' jkollhom karatteristiċi simili għal pajjiżi oħra, tali sfidi għandhom tendenza li jkunu aktar evidenti fl-istati gżejjer żgħar. Fl-indirizz tiegħu, l-Awditur Ġenerali nnota li l-ospitar ta' dan l-avveniment f'Malta jirrappreżenta tragward importanti għall-NAO, partikolarment peress li dan l-Uffiċċju kien fost l-ewwel parteċipanti ta' dan il-Grupp ta' Ħidma (EWGEA) li ġie stabbilit fl-1999. Il-viżjoni ta' dan il-Grupp hija li tittejjeb il-ġestjoni tar-riżorsi naturali u tal-ambjent f'kull pajjiż rappreżentat fil-EWGEA, u li tagħmel l-Ewropa xempju ewlieni fir-rigward tal-kontribut tas-settur pubbliku f'dawn l-oqsma. Permezz tal-attivitajiet tiegħu, l-EWGEA għandu l-għan li jippromwovi spirtu ta' kooperazzjoni bbażat fuq l-integrità, il-komunikazzjoni miftuħa, u l-eċċellenza professjonali.
Dr Andy Kerr, Uffiċjal Kap tal-Istrateġija, Climate-KIC Holding B.V u Prof. Ing. Cyril Spiteri Staines mill-Università ta' Malta, għamlu l-preżentazzjonijiet ewlenin tal-laqgħa. Għada Ms Elina Bardram, mill- Kummissjoni Ewropea ser tkun qed tagħmel preżentazzjoni prinċipali. Din il-laqgħa se tinkludi wkoll preżentazzjonijiet minn diversi SAIs dwar suġġetti relatati mat-tema tas-sigurtà tal-enerġija. Dawn id-diskussjonijiet se jiffokaw fuq il-metodoloġiji adottati, l-isfidi li jiltaqgħu magħhom, kif ukoll is-sejbiet tal-awditjar, il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet proposti mis-SAIs rispettivi meta jivverifikaw dan is-settur.
Din is-sena l-EWGEA se jkun qed ifakkar il-25 sena Anniversarju ta' dan il-Grupp ta' Ħidma, liema laqgħa sejra wkoll tiċċelebra dan l-avveniment. Kapijiet tas-SAIs tal-Polonja, tan-Norveġja u kif ukoll tal-Estonja se jkunu qed jagħmlu diskorsi kommemorattivi fir-rwoli tagħhom bħala Presidenti preżenti jew passati tal-EWGEA.
Aktar informazzjoni dwar dan l-avveniment u l-EWGEA tista' tiġi aċċessata minn: https://www.eurosaiwgea.org/
Stqarrijiet Oħra:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926