Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Malti u Chair-in-Office tal-OSCE Ian Borg iżur l-Ażerbajġan

pr240816
Date Icon 14/05/2024

Riaffermazzjoni tad-diplomazija bħala l-unika triq 'il quddiem għal paċi dejjiema fir-reġjun

“M'hemm l-ebda alternattiva sostenibbli ħlief li nimxu fit-triq tad-diplomazija. Dan huwa essenzjali jekk irridu niksbu soluzzjonijiet fit-tul għall-paċi u s-sigurtà." Nhar it-Tlieta, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ u Chairman tal-OSCE Ian Borg kompla ż-żjara tiegħu ta' tlett ijiem fir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Kawkasu b'diversi laqgħat fl-Ażerbajġan. F'Baku, mexxa lid-delegazzjoni Maltija tal-Presidenza tal-OSCE għal-laqgħat mal-President Ilham Aliyev, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Jeyhun Bayramov u uffiċjali ewlenin oħra.

Il-Ministru Borg spjega li ż-żjara tiegħu pprovdiet opportunità għall-iskambju ta' għarfien dwar it-temi importanti għall-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) u l-Ażerbajġan, inkluż il-proċess ta' paċi mal-Armenja. B'referenza għaż-żjara tiegħu fl-Armenja, ġurnata qabel, huwa laqa' l-progress li sar miż-żewġ pajjiżi fid-delimitazzjoni tal-fruntiera komuni tagħhom u ħeġġiġhom ikomplu dawn in-negozjati b'impenn ġenwin, għal soluzzjoni komprensiva.

“L-OSCE se tkompli tappoġġja l-inizjattivi pragmatiċi kollha li jagħtu riżultati tanġibbli. Huwa essenzjali li titjieb is-sitwazzjoni għall-persuni mċaqalqa minn arthom u għalhekk ibatu mill-konsegwenzi ta' dan il-kunflitt. Aħna lesti wkoll nappoġġjaw l-isforzi biex tittaffa t-tbatija umana fir-reġjun, u ngħinu nibnu futur aħjar għan-nies tiegħu," qal il-Ministru u Chair-in-Office.

Hekk kif l-Ażerbajġan ikompli t-tħejjijiet tiegħu biex jospita l-COP29 aktar tard din is-sena, il-Ministru Borg afferma li l-impenn kontinwu bejn l-OSCE u l-Ażerbajġan, dwar aspetti ambjentali, se jikkontribwixxi għad-diskussjonijiet tal-organizzazzjoni dwar l-importanza tal-azzjoni klimatika f'approċċ komprensiv għas-sigurtà.

F'kummenti lill-midja, iċ-Chair-in-Office Borg fakkar li Malta daħlet biex tassumi ċ-Chairperson tal-OSCE fl-aħħar mument għax temmen li din l-organizzazzjoni għandha rwol kruċjali biex tindirizza l-isfidi li qed jiffaċċjaw illum is-57 stat parteċipanti tal-organizzazzjoni, fl-Ewropa u lil hinn minnha.

“Qegħdin naħdmu ħafna biex niżguraw ir-reżiljenza ta' din l-Organizzazzjoni, niffaċilitaw il-kunsens dwar id-deċiżjonijiet istituzzjonali kollha meħtieġa, bażi finanzjarja soda u tmexxija b'saħħitha għas-snin li ġejjin. Biex nilħqu dan, neħtieġu li l-istati parteċipanti kollha juru r-rieda politika u l-flessibbiltà meħtieġa," temm jgħid il-Ministru Borg.

Malta bdiet il-Presidenza tagħha ta' 12-il xahar tal-OSCE f'Jannar, taħt it-tema “Insaħħu r-Reżiljenza, Intejbu s-Sigurtà", wara li ġiet eletta unanimament biex tmexxi din l-organizzazzjoni għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, f'Novembru tal-2023.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Malti u Chair-in-Office tal-OSCE Ian Borg iżur l-Ażerbajġan
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Malti u Chair-in-Office tal-OSCE Ian Borg iżur l-Ażerbajġan
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Malti u Chair-in-Office tal-OSCE Ian Borg iżur l-Ażerbajġan
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Malti u Chair-in-Office tal-OSCE Ian Borg iżur l-Ażerbajġan
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  National Audit Office Malta hosts bilateral meeting with the Spanish Court of Audit

PR261929

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

Aktar Stqarrijiet Right arrow