Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Iffirmat ftehim kollettiv li minnu se jgawdu 190 impjegat tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija

pr240810
Date Icon 13/05/2024

Ftehim kollettiv iffirmat bejn il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) u l-General Workers Union se jkun ta’ benefiċċju għal madwar 190 impjegat ta’ din l-entità governattiva, li jokkupaw irwoli maniġerjali, amministrattivi, tekniċi kif ukoll industrijali. Permezz ta' dan il-ftehim, numru ta’ impjegati se jibbenefikaw minn żieda fir-remunerazzjoni tagħhom.

L-iffirmar tal-ftehim kien ippresedut mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima u mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti.

Il-Ministru Clifton Grima qal li dan il-ftehim mhux biss isaħħaħ il-pakkett tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema ta’ din l-entità, imma wkoll isaħħaħ l-entità fix-xogħol tagħha. “B’dan il-ftehim qed ninvestu fl-aqwa riżors tal-pajjiż, ir-riżors uman. Dan il-ftehim se jwassal ukoll biex il-gvern jattira ħaddiema ta’ livell għoli biex jaħdmu u jmexxu l-entitajiet tiegħu. Dan huwa importanti ħafna speċjalment fil-qasam tar-riċerka fejn il-Gvern tul dawn l-aħħar snin wera l-impenn tiegħu billi dejjem żied l-allokazzjoni f’dan is-settur,”, qal il-Ministru Grima.

Minbarra li jipprovdi żieda finanzjarja, il-ftehim kollettiv li se jkopri mill-2024 sa 2027 se jservi wkoll ta’ gwida ċara dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, bil-għan ewlieni li jkun ta’ aspirazzjoni għall-impjegati attwali u dawk prospettivi. Permezz tal-ftehim mistennija tittejjeb il-prestazzjoni tal-impjegati fuq ix-xogħol, sabiex tiġi promossa l-progressjoni tal-karriera tagħhom u jittejjeb ukoll ir-reklutaġġ estern, filwaqt li jiġu mħarsa l-kundizzjonijiet tal-impjegati attwali. Fost il-benefiċċji li se jibdew igawdu minnhom l-impjegati tal-MCST hemm miżuri ġodda tal-familja, żieda fil-bereavement leave kif ukoll dak tal-paternità, flexi-time u assigurazzjoni tas-saħħa. 

Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti spjega li dan il-ftehim jinkludi miżuri aħjar sabiex impjegat jikseb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja. Semma wkoll uħud mill-miżuri li jinkludi dan il-ftehim, fosthom, żieda ta’ leave għall-ġenituri inkluż dawk li jagħżlu li jadottaw jew jagħmlu fostering, żieda ta’ leave għall-attivitajiet sportivi u kulturali meta impjegati jirrappreżentaw lil pajjiżna barra minn xtutna, u li sick leave mhux użat jista’ jiġi utilizzat f’każ li impjegat jimrad serjament.

“Ninsabu persważi li l-ħaddiema kollha tal-MCST se jibbenefikaw minn żidiet u vantaġġi diversi u numerużi inkluż żidiet fil-pagi lil kulħadd. Dawn l-inizjattivi ħa jgħinu wkoll biex nattiraw iktar talent tal-ogħla livell biex insaħħu r-riżorsi umani fl-entitajiet governattivi,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti.

Il-Kap Eżekuttiv tal-MCST, Silvio Scerri qal, “Ninsabu ċerti li permezz tal-Ftehim Kollettiv li ġie ffirmat illum ser titnissel aktar serenità fuq il-post tax-xogħol, filwaqt li bla dubju ta’ xejn, it-titjib ta’ kundizzjonijiet se jattira talent ġdid. Bħala qofol ta’ dan il-ftehim tispikka l-importanza taż-żamma ta’ bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u dik personali fi ħdan il-familja. Permezz tal-ftehim il-prestazzjoni tal-impjegati se tiġi rikonoxxuta darba fis-sena permezz ta’ bonus tal-prestazzjoni.”

Dan il-ftehim huwa prova oħra kif il-gvern qed juri kemm huwa kommess li jinċentiva lill-ħaddiema li jaħdmu fis-settur pubbliku mhux biss ekonomikament imma wkoll b’kundizzjonijiet li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tagħhom u tal-familji tagħhom.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Iffirmat ftehim kollettiv li minnu se jgawdu 190 impjegat tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Iffirmat ftehim kollettiv li minnu se jgawdu 190 impjegat tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Iffirmat ftehim kollettiv li minnu se jgawdu 190 impjegat tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  National Audit Office Malta hosts bilateral meeting with the Spanish Court of Audit

PR261929

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

More Press Releases Right arrow