STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Malti u OSCE Chair-in-Office Ian Borg iżur l-Armenja
Il-Presidenza Maltija tal-OSCE taħdem biex tippromwovi d-djalogu fin-Nofsinhar tal-Kawkasu
“Id-djalogu u d-diplomazija huma l-uniku mod ’il quddiem biex tinkiseb paċi sostenibbli bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan.” Waqt żjara nhar it-Tnejn fl-Armenja, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ u Chairman tal-OSCE Ian Borg appella liż-żewġ pajjiżi biex iżommu l-impenn tagħhom għall-proċess ta’ paċi li għaddej.
“Wara għexieren ta’ snin ta’ kunflitt u tbatija, huwa imperattiv li l-popli tal-Armenja u l-Ażerbajġan fl-aħħar jiksbu il-paċi, is-sigurtà u l-prosperità li jixirqilhom bi dritt,” qal il-Ministru.
Fil-kapitali Armena, Yerevan, il-Ministru Borg iltaqa’ mal-Prim Ministru Nikol Pashinyan u mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ararat Mirzoyan. Iż-żjara tinkludi wkoll laqgħa mal-President tal-Assemblea Nazzjonali tal-Armenja Alen Simonyan, kif ukoll mal-membri tad-delegazzjoni Armena għall-Assemblea Parlamentari tal-OSCE.
Iż-żjara taċ-Chair-in-Office tal-OSCE fl-Armenja hija parti mill-impenn tal-Presidenza Maltija biex tisma’ lill-istati parteċipanti tal-organizzazzjoni, tivvaluta l-bżonnijiet tagħhom u tgħinhom jidħlu fi djalogu orjentat lejn ir-riżultati, biex issaħħaħ l-impenn kondiviż għall-paċi u s-sigurtà fl-Ewropa u lil hinn minnha. Iż-żjara tat-Tnejn fl-Armenja se tkun segwita minn laqgħat oħra fin-Nofsinhar tal-Kawkasu, inklużi żjarat fl-Ażerbajġan, nhar it-Tlieta, u l-Georgia, nhar l-Erbgħa.
“Aħna konvinti li djalogu kostruttiv fost kulħadd, immexxi mill-pragmatiżmu u l-onestà, huwa indispensabbli biex tinkiseb soluzzjoni komprensiva u dejjiema,” afferma l-Ministru Borg, hekk kif laqa’ l-avvanzi reċenti tal-proċess ta' paċi mill-Armenja u l-Ażerbajġan.
“Aħna lesti li nkomplu nappoġġjaw l-isforzi biex nindirizzaw kwistjonijiet umanitarji, b’mod partikolari s-sitwazzjoni kritika ta’ persuni mċaqalqa minn arthom u persuni li jgħixu f’żoni milquta mill-kunflitti. Se nkomplu nappoġġjaw ukoll l-inizjattivi nazzjonali u internazzjonali kollha li jagħtu riżultati tanġibbli biex negħlbu l-kunflitt b’mod effettiv,” żied jgħid.
Fi stqarrija lill-ġurnalisti f’Yerevan, iċ-Chairman tal-OSCE semma wkoll il-ħtieġa tal-organizzazzjoni li tkompli ssaħħaħ ir-rwol tagħha fl-indirizzar tal-isfidi għall-paċi, il-prosperità u s-sigurtà f’reġjuni differenti.
“Waħda mill-prijoritajiet ġenerali tal-Presidenza ta’ Malta hija li tissaħħaħ ir-reżiljenza u l-funzjonalità tal-OSCE, billi tiġi żgurata bażi finanzjarja soda u governanza istituzzjonali b’saħħitha. Din hija responsabbiltà kondiviża tas-57 Stat parteċipanti kollha sabiex jiġu ffaċilitati d-deċiżjonijiet meħtieġa. Għandna bżonn ir-rieda politika u l-flessibbiltà meħtieġa biex nibnu kunsens fuq dawn il-kwistjonijiet kruċjali,” temm jgħid il-Ministru.
Malta bdiet il-Presidenza tagħha ta’ 12-il xahar tal-OSCE f’Jannar, taħt it-tema “Insaħħu r-Reżiljenza, Intejbu s-Sigurtà”, wara li ġiet eletta unanimament biex tmexxi din l-organizzazzjoni għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, f’Novembru tal-2023.
Stqarrijiet Oħra:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926