Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI: Il-lingwa Maltija tibqa’ tirrifletti l-identità kulturali tagħna fuq livell ġuridiku Ewropew

pr240804
Date Icon 11/05/2024

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard indirizza s-seminar 'Malta u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea', organizzat mill-Kamra tal-Avukati b'kollaborazzjoni mad-Diviżjoni tal-Ilsien Malti fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fl-okkażjoni tal-20 sena anniversarju mis-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea.

Waqt dan is-seminar il-kap tad-diviżjoni Joseph Izzo Clarke ppreżenta t-tieni volum tal-pubblikazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja bl-isem 'Malta u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea' – pubblikazzjoni li qed tiġbor fiha l-ġrajja rikka ta' Malta fl-Unjoni Ewropea u l-kollaborazzjoni tagħha mal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Il-Ministru Attard spjega li din il-pubblikazzjoni tagħmel enfasi fuq ir-rwol kruċjali tal-lingwa fl-iffaċilitar tad-diskors legali u biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess għall-ġustizzja.

“Il-lingwa mhijiex biss mezz ta' komunikazzjoni iżda hija riflessjoni tal-identità kulturali u l-wirt storiku tagħna, u hija r-responsabbiltà tagħna li nippreservawha u niċċelebrawha," qal il-Ministru Attard hekk kif fakkar fid-90 anniversarju minn meta l-Malti sar l-ilsien uffiċjali ta' pajjiżna u l-qrati tal-ġustizzja tagħna.

Filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha li taw il-kontribut tagħhom fit-tfassil ta' din il-pubblikazzjoni, il-Ministru Attard tenna li “l-isforzi kollettivi tagħkom ilkoll fasslu riżors komprensiv u intuwittiv li bla dubju se jkun qiegħed iservi ta' referenza siewja għall-akkademiċi, għall-prattikanti u anki għal dawk li jfasslu l-liġijiet."

Dan il-volum komprensiv jittratta fid-dettall il-kollaborazzjoni bejn il-qrati Maltin u l-Qorti tal-Ġustizzja, fejn joffri għarfien dwar kif din ir-relazzjoni żviluppat tul dawn l-aħħar 10 snin u ssegwi pubblikazzjoni oħra li kienet ħarġet wara l-ewwel 10 snin ta' sħubija.

Minn sentenzi importanti għal innovazzjonijiet proċedurali, din il-pubblikazzjoni toffri ħarsa komprensiva lejn din it-triq għal qafas legali iżjed integrat u armonizzat fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

Min-naħa tiegħu l-Kap tad-Diviżjoni, Joseph Izzo Clarke saħaq l-importanza tal-pubblikazzjoni fil-kuntest tal-professjoni legali, għax hija sors ta' informazzjoni ta' rilevanza għal Malta. Bil-fatt li l-ktieb jiġbor il-kawżi li involvew lil Malta, lil ċittadini u residenti ta' Malta, kif ukoll lil kumpaniji reġistrati f'Malta, qiegħed jintwera l-livell ta' kooperazzjoni bejn il-qrati Maltin u dawk tal-Unjoni Ewropea.

Waqt is-seminar, is-Sur Clarke ppreżenta kopja tal-pubblikazzjoni lill-Ministru Jonathan Attard u lill-Prim Imħallef Dr Mark Chetcuti.

Dan is-seminar kien indirizzat ukoll mill-Imħallef Emeritu fil-Qorti Ewropea Dr Anthony Borg Barthet, l-Imħallef tal‑Qorti Ġenerali tal‑Unjoni Ewropea, Dr Ramona Frendo u l-President tal-Kamra tal-Avukati Dr Peter Fenech.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI: Il-lingwa Maltija tibqa’ tirrifletti l-identità kulturali tagħna fuq livell ġuridiku Ewropew
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI: Il-lingwa Maltija tibqa’ tirrifletti l-identità kulturali tagħna fuq livell ġuridiku Ewropew
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  National Audit Office Malta hosts bilateral meeting with the Spanish Court of Audit

PR261929

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

Aktar Stqarrijiet Right arrow