STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI €1.8 miljun f’għajnuna lir-raħħala biex tagħmel tajjeb għaż-żieda fil-prezz tal-għalf
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo nieda skema finanzjarja b'allokazzjoni ta' €1.8 miljun sabiex il-Gvern jagħmel tajjeb għall-effetti taż-żieda fil-prezz tal-għalf li impattat lir-raħħala Maltin u Għawdxin minħabba l-kunflitt fl-Ukrajna.
F'konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Refalo spjega kif din l-għajnuna finanzjarja hija immirata lejn is-setturi tal-annimali tal-produzzjoni tal-ħalib, taċ-ċanga, tan-nagħaġ, kif ukoll tas-settur tal-mogħoż.
“Minn mindu x-xena internazzjonali bdiet iġġib piżijiet mhux mistennija fuq ir-raħħala, dan il-Gvern minnufih beda jiżviluppa miżuri, inizjattivi u skemi finanzjarji sabiex iservi ta' spalla għalihom sabiex ma jġorrux il-piżijiet waħedhom. Dak li qed inħabbru llum huwa xhieda oħra ta' dan fejn lir-raħħala Maltin u Għawdxin qed intaffulhom miż-żieda fil-prezz tal-għalf. Dan huwa Gvern tan-nies, Gvern li jwettaq dak li jwiegħed," żied jgħid il-Ministru Anton Refalo.
Ġie spjegat ukoll li l-Ministeru wettaq analiżi dwar l-impatt tal-prezzijiet dejjem jogħlew tal-għalf fuq is-settur tal-annimali. Bejn l-2021 u l-2022, il-prezz tat-tiben żdied b'36% filwaqt li l-prezz tal-ħuxlief niexef għola b'41%. Fl-2023, il-prezzijiet komplew jiżdiedu, b'9% żieda fit-tiben u 2% żieda għall-ħuxlief niexef. Għaldaqstant, l-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali (ARPA) fi ħdan il-Ministeru żviluppat din l-iskema minn fondi nazzjonali, sabiex tipprovdi għajnuna finanzjarja lir-raħħala Maltin u Għawdxin.
Id-Direttur Ġenerali tal-ARPA Louisa Formosa, spjegat kif ir-raħħala eliġibbli fi ħdan is-setturi msemmija se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn pagamenti diretti abbażi tan-numru ta' annimali eliġibbli li għandhom. “Din l-għajnuna finanzjarja għandha l-għan li tnaqqas il-piż finanzjarju minn fuq ir-raħħala biex tiġi żgurata l-prosperità kontinwa tat-trobbija tal-annimali f'Malta u Għawdex."
Għal aktar informazzjoni wieħed jista' jċempel lill-ARPA fuq 22926148 jew jibgħat email fuq arpa.mafa@gov.mt. Aktar dettalji dwar din l-iskema jistgħu jiġu aċċessati mil-linji gwida dettaljati li jinsabu fuq is-sit www.arpa.gov.mt.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261928