Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Malta se tibqa’ tappoġġja lill-ekosistema tal-istartups lokali biex it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna jkun xprunat mill-innovazzjoni u l-kwalità

pr240786
Date Icon 09/05/2024

Matul il-ftuħ tal-EU-Startups Summit fil-Belt Valletta, summit li tlaqqa' għall-ewwel darba f'pajjiżna, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar il-viżjoni tal-Gvern li pajjiżna jibqa' jaħdem favur aktar tkabbir ekonomiku sostenibbli. Qal li dan qed isir billi l-Gvern qed jappoġġja lill-ekosistema tal-istartups lokali biex it-tkabbir ekonomiku ta' pajjiżna jkun xprunat mill-innovazzjoni u l-kwalità.

Dan is-summit li qed isir bis-sapport tal-Malta Enterprise qed iġib flimkien ażjendi u sidien ta' negozji lokali u barranin taħt saqaf wieħed.

Fil-preżenza ta' bosta intraprendituri u investituri Ewropej, il-Prim Ministru Robert Abela spjega li dan il-mudell ekonomiku se jkun qed iżid il-produttività, li tissarraf f'impjiegi b'pagi ogħla, aktar ġid u prosperità akbar. Sostna li tul is-snin, pajjiżna rnexxielu jattira niċeċ ekonomiċi ġodda fosthom fl-oqsma tal-Intelliġenza Artifiċjali, fil-FinTech, fir-robotika u l-avjazzjoni fost l-oħrajn. “Filwaqt li l-investiment dirett barrani huwa u jibqa' importanti, dan ma jnaqqasx mill-importanza ta' imprendituri u professjonisti lokali," saħaq il-Prim Ministru.

Irrefera għall-ħidma li għaddejja biex pajjiżna jkollu Qafas għall-Istartups li jħejji t-triq biex Malta tkun l-iktar pajjiż Ewropew startup-friendly. Saħaq li pajjiżna qed jibdel u jtejjeb il-liġijiet biex nagħrfu l-vulnerabbiltajiet tal-istartups, intejbu l-miżuri fiskali u nnaqqsu proċessi burokratiċi għall-istartups li joperaw minn Malta.

Dr Abela qal li Malta se tibqa' minn ta' quddiem li tħeġġeġ l-Unjoni Ewropea biex tinvesti iktar fl-istartups. Dan filwaqt li tappella għal Unjoni Ewropea b'vuċi iktar b'saħħitha u b'politika aktar ħolistika għall-istartups.

Saħaq li ma kinitx kumbinazzjoni li l-Europe Startup Nations Alliance, l-ESNA, ikklassifikat lil pajjiżna fir-raba' post fil-lista ta' pajjiżi Ewropej bi startups innovattivi. Dr Abela qal li dan ir-riżultat huwa xhieda tal-isforzi kollha biex pajjiżna joħloq l-ambjent ideali għat-twaqqif ta' startups innovattivi li jibqgħu jikbru u jrendu f'Malta.

Temm jgħid li dawn l-isforzi kollha se jagħmlu minn Malta l-iktar pajjiż Ewropew ta' suċċess għat-twaqqif ta' startups innovattivi u ta' kwalità.

Il-Malta Enterprise hija l-isponsor ewlieni ta' dan l-avveniment. Il-kollaborazzjoni bejn il-Malta Enterprise u l-EU-Startups Summit assigurat tranżizzjoni bla xkiel biex l-avveniment mexa minn Barċellona għal Malta, fejn f'din l-ewwel edizzjoni f'pajjiżna, il-livell tal-avveniment kompla jitjieb.

Fl-aħħar snin il-Malta Enterprise stabbiliet ruħha bħala l-punt ta' referenza għall-istartups lokali u internazzjonali li ġejjin Malta, fejn qed tgħin mill-qrib lill-istartups innovattivi. L-assistenza tal-Malta Enterprise f'każ ta' kumpaniji l-aktar innovattivi tista' tilħaq sa €1.5 miljun. Il-Malta Enterprise qed taħdem ukoll fuq Startup Framework nazzjonali.

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Malta se tibqa’ tappoġġja lill-ekosistema tal-istartups lokali biex it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna jkun xprunat mill-innovazzjoni u l-kwalità
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Malta se tibqa’ tappoġġja lill-ekosistema tal-istartups lokali biex it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna jkun xprunat mill-innovazzjoni u l-kwalità
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  National Audit Office Malta hosts bilateral meeting with the Spanish Court of Audit

PR261929

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 student jieħdu sehem fil-Malta Skills Championships 2026

PR261928

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 studen...

More Press Releases Right arrow