STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Sistema ta’ Resident Priority Parking għall-Gudjani fit-toroq qrib l-ajruport
Mill-1 ta' Ġunju se tidħol fis-seħħ sistema ta' Resident Priority Parking għal numru ta' toroq fil-Gudja li jinsabu fiż-żona viċin l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta.
Dan wara li għal numru ta' snin, ir-residenti ffaċċjaw problemi hekk kif il-parkeġġ f'dawn it-toroq kien qed jiġi meħud minn persuni li jħallu il-karozza ipparkjata f'din iż-żona għal diversi jiem waqt li jkunu msefrin.
Għaldaqstant, il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, b'konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Gudja, ħadem fuq sistema li ser tgħin biex din il-kwistjoni tiġi indirizzata b'mod effettiv.
Ir-regoli li se jidħlu fis-seħħ mil-1 ta' Ġunju se jaraw li:
- Parkeġġi se jkunu esklussivament riservati għar-residenti bejn it-20:00 u s-07:00.
- Vetturi mhux awtorizzati se jiġu rmunkati: biex dan ir-regolament jiġi infurzat b'mod effettiv, vetturi mhux awtorizzati li jinsabu pparkjati matul il-ħinijiet ristretti se jiġu rmunkati, u b'hekk jiġi liberat l-ispazju għar-residenti.
- Se tissaħħaħ il-preżenza ta' uffiċjali tal-LESA u Transport Malta fiż-żona.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett spjega li dawn il-miżuri għandhom l-għan li jipprovdu kwalità ta' ħajja aħjar għar-residenti kollha tal-Gudja, filwaqt li jiżguraw li l-ispazji għall-parkeġġ jiġu utilizzati b'mod effiċjenti u ġust.
“Proġetti bħal dan u ħafna oħrajn ikomplu juru l-impenn sħiħ li dan il-gvern għandu biex ikompli jisma' lill-komunità u jwettaq dak li hu meħtieġ. Inħares 'il quddiem għal aktar proġetti u skemi ta' din ix-xorta biex b'hekk nibqgħu dejjem nipprovdu serħan il-moħħ lin-nies," temm jgħid il-Ministru Bonett.
Is-Sindku tal-Gudja, Marija Sara Vella Gafà, uriet l-apprezzament tagħha għas-sapport tal-gvern li sema' t-talba tal-kunsill u ħadmu biex jitwettqu dawn l-inizjattivi filwaqt li sostniet li l-kunsill lokali ser jibqa' jaħdem għall-ġid tal-komunità Gudjana.
Il-Kunsill Lokali tal-Gudja ser ikollu r-responsabbiltà tal-implimentazzjoni loġistika tas-sistema u għalhekk ir-residenti li jgħixu fit-toroq affettwati ser jiġu kkuntattjati mill-kunsill lokali fil-ġranet li ġejjin.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261928