STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, L-INTRAPRIŻA U PROĠETTI STRATEĠIĊI Madwar 2,000 persuna mistennija jattendu għall-EU start-up summit
2,000 persuna mistennija jattendu għall-EU start-up summit li din is-sena li se jkun qed jittella' f'pajjiżna bejn għada u l-Ġimgħa. Dan is-summit huwa opportunità unika biex wieħed jiltaqa' mal-aqwa esponenti u jara b'għajnejh l-aqwa stejjer ta' suċċess ta' start-ups minn madwar id-dinja kollha.
Permezz ta' dan is-summit Ewropew fi xtutna, pajjiżna qed jerġa' jafferma mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu fost l-aqwa pajjiżi għall-istart-ups. Biss ftit ġimgħat ilu pajjiżna kklassifika fir-raba' post fost 21 pajjiż tal-Unjoni Ewropea, bħala destinazzjoni ideali għall-istart-ups, skont stħarriġ li sar mill-Europe Startup Nations Alliance.
Waqt li kien qed iżur l-aħħar preparamenti għal dan is-summit, il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, qal, “Qed naħdmu sabiex naraw li nattiraw attività ekonomika fir-riċerka u l-innovazzjoni filwaqt li nkomplu nelevaw 'il fuq id-diversifikazzjoni fis-setturi ekonomiċi f'pajjiżna."
Il-Ministru Schembri enfasizza li permezz ta' dan l-avveniment internazzjonali li qed isir għall-ewwel darba ġewwa pajjiżna se joffri opportunità unika biex start-ups lokali jiltaqgħu mal-investituri biex il-ħolma li jkollhom ikunu jistgħu jiżviluppawha b'mod kummerċjalment vijabbli.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia, qal, “B'dan is-summit qed inkomplu nsaħħu l-ekosistema lokali, b'mod partikolari l-innovazzjoni u ideat tajbin lejn pajjiżna. Qed inġibu wkoll lejn Malta investituri li jistgħu jħarsu lejn start-ups lokali u allura jagħmlu l-investiment ġewwa Malta u dan l-iskop ta' din il-konferenza li kienet issir f'Barċellona u f'Berlin u issa qed issir Malta."
Thomas Ohr, Fundatur u Kap Eżekuttiv ta' EU Start-Ups, qal, “Dan l-avveniment se jagħti bidu ta' konverżazzjoni bejn investituri, dawk li jfasslu l-politika, u innovaturi biex jifformaw kollaborazzjonijiet ġodda biex jiddiskutu struttura ta' politika tajba għall-ekonomiji li jkunu lesti għall-futur. Malta hija l-post ideali biex isir dan l-avveniment għaliex huwa post li jattira n-nies."
Stqarrijiet Oħra:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926