STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENATRI GĦAS-SAJD, L-AKWAKULTURA, U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Imġedda għal sena oħra l-kampanja ta’ tiswija b’xejn ta’ qtates ‘stray’
Imħabbar proġett pilota ta' tiswija b'xejn ta' klieb f'irziezet u klieb tar-razza bully
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura, u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said ħabbret li qed titwettaq wegħda elettorali oħra, hekk kif id-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali qed jerġa jġedded in-Neutering Campaign għal qtates 'stray', filwaqt li qed iniedi proġett pilota ta' tiswija b'xejn għal ċertu speċi ta' klieb.
Hija spjegat li għal dan il-proġett pilota se jkunu jistgħu jibbenefikaw sidien ta' klieb f'irziezet u sidien ta' klieb tar-razza bully, bil-għan li jonqos l-abbandun ta' dawn l-annimali. Semmiet kif fis-santwarji, inkluż fi ħdan l-Animal Welfare, hemm numru kbir ta' klieb tar-razza bully li jibqgħu ma jsibux min jaddottahom.
“L-għan tagħna huwa li nkomplu nħarsu d-drittijiet tal-annimali. Minbarra l-estensjoni tat-tiswija ta' qtates 'stray', permezz ta' din il-kampanja qegħdin inħarsu wkoll ir-riproduzzjoni ta' dawn l-ispeċi ta' klieb li, sfortunatament, ħafna minnhom jispiċċaw abbandunati," temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.
Id-Direttur tad-Dipartiment għat-Trattament Xieraq tal-Annimali Joseph John Vella spjega l-parametri sabiex wieħed japplika għal din il-kampanja, kif ukoll għall-proġett pilota. Huwa spjega wkoll li l-klieb fl-irziezet u klieb tar-razza bully iridu jkunu reġistrati, bl-applikazzjoni tinħareġ fuq isem is-sid tal-kelb.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista' jibgħat email fuq neutering.mafa@gov.mt jew iċempel mit-Tnejn sal-Ġimgħa, bejn is-7am u s-1pm, fuq 22924369.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261928