STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Investiment soċjali bla preċedent fl-ewwel kwart ta’ din is-sena
In-nefqa fuq il-benefiċċji soċjali fl-ewwel kwart tas-sena telgħet għal €398 miljun. Din kienet l-akbar nefqa li qatt ġiet reġistrata għal dan il-perjodu.
Ċifri ppubblikati llum mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, NSO, juru li ż-żieda globali kienet ta' madwar €38.3 miljun, jew 10.6%, fuq l-istess perjodu fl-2023.
L-akbar qabża kienet fil-ħlas ta' benefiċċji kontributorji li żdiedu bi ftit anqas minn €30 miljun għal aktar minn €317 miljun. L-ispiża fuq benefiċċji mhux kontributorji telgħet għal €80.5 miljun – żieda ta' €8.4 miljun fuq l-istess perjodu is-sena ta' qabel.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, stqarr li kienu diversi l-fatturi li influwenzaw din il-qabża fl-investiment soċjali. L-aktar importanti kien it-twettiq ta' miżuri tal-baġit li daħlu fis-seħħ bejn Jannar u Marzu, b'mod partikulari ż-żieda ta' €15 fil-ġimgħa fir-rati tal-pensjonijiet tas-sigurtà soċjali u l-aġġustament fil-pensjoni tal-irtirar ta' eluf ta' persuni li twieldu qabel Diċembru tal-1962.
Il-Ministru Michael Falzon osserva wkoll li pensjonanti romol, minbarra ż-żieda fil-pensjoni kellhom titjib addizzjonali b'riżultat ta' proċess ta' aġġustament biex il-pensjoni tagħhom gradwalment tilħaq dik li kienu jirċievu l-konjugi tagħhom. Pensjonanti tas-servizz ukoll gawdew minn aġġustament fil-pensjoni tas-sigurtà soċjali tagħhom.
“Din hija l-politika illi qed tkompli tagħmel id-differenza fil-ħajja tan-nies. Bħala Ministeru diġà wettaqna 85% tal-miżuri kollha li tħabbru fil-budget għal din is-sena u kommessi li nkomplu nwettqu aktar bidliet soċjali li jgħinu lill-familji u l-pensjonanti kollha," saħaq il-Ministru Michael Falzon.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti Mark Musu spjega li n-nefqa fuq il-pensjonijiet kontributorji u fuq il-pensjoni tal-età f'dawn it-tliet xhur żdiedet b'aktar minn €23 miljun u laħqet is-somma ta' madwar €283 miljun. Magħhom żdiedet b'aktar minn €7 miljun in-nefqa fuq il-bonus li jitħallas separatament mal-pensjonijiet.
Miżura li kellha impatt qawwi fin-nefqa ta' benefiċċji mhux kontributorji kienet iż-żieda ta' €250 fis-suppliment għal kull wild taħt is-16-il sena fl-iskema tal-allowance tat-tfal. In-nefqa totali fuq dan il-benefiċċju telgħet għal €6.3 miljun – li kienet kważi t-triplu fuq is-sena ta' qabel. It-43,000 familja li gawdew minn dan il-benefiċċju flimkien mal-allowance tat-tfal tħallsu b'kollox aktar minn €15-il miljun.
Titjib ieħor li kellu effett fuq in-nefqa kienu ż-żiedet fil-carers' grant u fl-għotja għall-anzjani li jgħixu fil-komunità. Fl-istess perjodu, sar ukoll il-ħlas tal-benefiċċju addizzjonali tal-COLA biex jagħmel tajjeb għall-effett tal-inflazzjoni lil 3,500 familja bi dħul baxx jew medju. Dawn ingħaqdu mal-95,570 li bbenefikaw mill-għotja s-sena l-oħra.
Stqarrijiet Oħra:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261928