STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Skema finanzjarja għall-bdiewa u raħħala għall-investimenti fis-settur agrikolu
F'konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo ħabbar il-ftuħ tal-applikazzjonijiet għall-Iskema ta' Fondi tal-UE simplifikata għall-Investimenti fl-Agrikoltura.
Din l-iskema se tappoġġja investimenti fis-settur agrikolu sabiex tippromwovi l-modernizzazzjoni, l-innovazzjoni, u l-kompetittività. L-iskop aħħari ta' din l-iskema hu li l-bdiewa jsiru aktar effiċjenti u kompetittivi. Din l-iskema taqa' taħt il-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) għal Malta 2023-2027 li qed jiġi implimentat b'mod konġunt mill-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali u l-Ministeru għall-Fondi Ewropej, Ugwaljanza, ir-Riformi u Djalogu Soċjali.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo qal kif l-iskop ta' din l-iskema simplifikata huwa li tnaqqas il-burokrazija għall-applikanti li jridu jwettqu proġetti żgħar u se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn rifużjoni ta' 50% tal-ispejjeż eliġibbli, sa għotja massima ta' €15,000.
“Għal dan is-settur qed naraw baġit massiċċ li jlaħħaq il-€21 miljun kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea u minn Fondi nazzjonali. Dak li qed inħabbru llum jifforma parti minn ħemel ta' miżuri li nedejna fl-aħħar xhur, ġimgħat u snin sabiex inkomplu niffaċilitaw ħidmet il-bdiewa u raħħala tagħna. Dan huwa Gvern li bil-fatti qatt ma ħalla lil dawn il-ħaddiema waħedhom. Ħaġa li nismagħha u naraha kull meta nitkellem magħhom, meta nżurhom fir-raba u rziezet tagħhom, innutaha wkoll il-Kummissarju Ewropew meta żar pajjiżna, u komplejna narawha f'edizzjoni oħra ta' suċċess ta' AgriFair ta' din is-sena," temm jgħid il-ministru.
Id-Direttur Ġenerali tal-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali (ARPA) Louisa Formosa spjegat li dawn il-proġetti għandhom jirrigwardaw investimenti produttivi fl-irziezet. Kompliet li l-appoġġ taħt din l-iskema huwa miftuħ għall-bdiewa kollha, kemm individwi, azjendi, kif ukoll gruppi ta' bdiewa, bħal koperattivi jew sħubijiet. Il-benefiċjarji jridu jkunu rreġistrati fir-reġistru tad-Dipartiment tal-Agrikoltura magħruf bħala IACS.
Il-benefiċjarji jridu jkunu qed iwettqu attività agrikola minima kif definita fil-linji gwida li jinsabu fuq is-sit elettroniku www.fondi.eu. Apparti min hekk, għal investimenti relatati mal-ortikoltura l-benefiċjarji jrid ikollhom art irreġistrata fis-sistema IACS li trid tifforma parti mill-applikazzjoni sottomessa.
Din is-sejħa għall-applikazzjonijiet taħt din l-iskema simplifikata se tibqa' miftuħa sal-Erbgħa 19 ta' Ġunju 2024. Għal aktar informazzjoni wieħed jista' jċempel dirett fuq 22926148 u jżur hawn.
Stqarrijiet Oħra:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261928