STQARRIJA MILL-MINSTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Iċċelebrat il-Jum Nazzjonali tal-Isport fil-Kumpless Sportiv tal-Marsa
Mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela flimkien mal-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima nediet Jum Nazzjonali tal-Isport fil-Kumpless Sportiv tal-Marsa, inizjattiva ta' ġurnata t'attivitajiet sportivi li fiha ħadu sehem mijiet ta' studenti minn diversi skejjel madwar Malta u Għawdex.
Dr Lydia Abela sostniet li l-isport jiċċelebra ħafna valuri sbieħ; minn inklużjoni għal rispett, minn dixxiplina għal imħabba. Sostniet li t-tfal kollha parteċipi minn skejjel madwar il-pajjiż kienu parti minn dan kollu bl-appoġġ tal-edukaturi. Spjegat kif l-attività fiżika hi parti importanti daqs kull aspett ieħor fil-vjaġġ edukattiv tat-tfal. Hija rringrazzjat ukoll lil dawk li taw is-sehem f'din l-inizjattiva li l-protagonisti fiha kienu t-tfal u għamlu suċċess minnha.
Apparti jum ta' attività sportiva, din il-ġurnata serviet ukoll biex issir promozzjoni tal-importanza tal-involviment t'attività fiżika fl-iskola lejn stil ta' ħajja aktar b'saħħtu. “Permezz ta' SportMalta qed nieħdu diversi inizjattivi biex naraw li nħeġġu t-tfal tagħna minn età żgħira ħalli jipparteċipaw fl-isport u l-attività fiżika matul is-sena kollha", qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima. “Irridu li s-soċjetà tkun konxja tal-importanza tal-attività fiżika u li tipparteċipa b'mod aktar attiv f'attivitajiet sportivi u fiżiċi", qal il-Ministru Grima.
Mark Cutajar, Kap Eźekuttiv ta' SportMalta saħaq li l-ġurnata nazzjonali tal-isport għandha tkun dik il-ġurnata li fiha wieħed l-aktar li jagħmel sport u attivita' fiżika. Kien għalhekk li ntagħżlet ġurnata fost il-ġimgħa biex tkun iddedikatha għall-isport u fil-fatt ma ntagħżlitx ġurnata ta' mistrieħ fi tmiem il-ġimgħa, biex l-għan li n-nies jiċċaqalqu, jintlaħaq.
SportMalta għandha diversi inizjattivi marbuta mal-promozzjoni tal-isport u l-attività fiżika, fosthom il-kampanja #BeActive u l-ġimgħa Ewropea tal-Isport. Il-Ministeru għall-Edukazzjoni l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni qiegħed jinvesti fl-ispazji miftuħa tal-iskejjel bi proġett kontinwu ta' rijabilitazzjoni ta' grounds sportivi, bil-għan li tittejjeb l-infrastruttura sportiva fl-iskejjel tal-istat kemm għal skopijiet ta' rikreazzjoni kif ukoll biex jitjieb il-livell tal-edukazzjoni sportiva.
Fost id-diversi sport kien hemm ukoll attivitajiet bħal Zumba, 3-legged race, potato race, t-shirt race u 2 obstacles races.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261928