STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT: Il-President bl-ewwel żjara uffiċjali f’Għawdex f’għeluq l-ewwel xahar tagħha fil-presidenza
F’għeluq l-ewwel xahar tagħha fil-kariga ta’ President ta’ Malta, il-President Myriam Spiteri Debono żaret Għawdex.
Iż-żjara uffiċjali f’Għawdex bdiet b’quddiesa fil-Bażilika tal-Madonna ta’ Pinu, l-Għarb. Il-quddiesa ġiet iċċelebrata mill-Isqof ta’ Għawdex, il-Mons. Anton Teuma. Waqt l-omelija, l-Isqof Teuma appella biex f’dan il-mument, il-poplu Malti u Għawdxi jingħaqad flimkien biex jimxi ’l quddiem fil-ħajja soċjali, politika, umana u Kristjana tiegħu.
Iż-żjara f’Għawdex kompliet b’ċerimonja ta’ tqegħid ta’ fjuri mal-monument li jfakkar lill-Għawdxin li tilfu ħajjithom waqt it-Tieni Gwerra Dinjija fi Pjazza Indipendenza, fir-Rabat. Hawnhekk hija sellmet lill-membri tal-grupp tal-Iscouts kif ukoll lill-pubbliku preżenti.
Il-President Spiteri Debono żaret il-Banca Giuratale fejn iffirmat il-ktieb tal-viżitaturi. Wara żaret iċ-Ċittadella fejn hemmhekk ukoll kompliet tiltaqa’ ma’ bosta persuni.
Iż-żjara tal-President f’Għawdex kompliet waranofsinhar bi żjara fiċ-ċentru kulturali taċ-Ċittadella li matulha kellha laqgħa mal-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri.
Wara, il-President ta’ Malta żaret il-Kurja f’Għawdex fejn intlaqgħet mill-Isqof ta’ Għawdex, Mons. Anton Teuma.
L-aħħar waqfa fil-gżira Għawdxija kienet fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex fejn, akkumpanjata mill-Ministru għas-Saħħa, Jo Etienne Abela, żaret it-taqsima tal-maternità kif ukoll id-Dipartiment tal-MRI. F’kelmtejn, il-President irringrazzjat lill-ħaddiema kollha tal-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom b’risq dawk fil-bżonn.
Stqarrijiet Oħra:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261928