Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin jappoġġja l-inizjattiva tal-istudenti Palestinjani tal-Kamra tal-Periti

pr240755
Date Icon 04/05/2024

Il-Ministru Ian Borg jappella għal aktar inizjattivi tas-soċjetà ċivili li jippromwovu l-paċi u t-tolleranza

“Filwaqt li Malta tpoġġi lilha nnifisha minn ta' quddiem fl-isforzi internazzjonali għall-paċi fil-Lvant Nofsani, l-Ukrajna u reġjuni oħra, il-gvern jilqa' inizjattivi tas-soċjetà ċivili li jgħinu jtaffu t-tbatijiet tal-komunitajiet f'żoni ta' kunflitt". Waqt laqgħa mal-Kamra tal-Periti, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg faħħar lill-Kamra tal-Periti għall-kollaborazzjoni li se ssir mal-Università ta' Birzeit, li qed jorganizzaw esperjenza edukattiva fl-arkitettura għal studenti Palestinjani tal-arkitettura f'Malta.

Permezz ta' din l-inizjattiva, il-Kamra qed twaqqaf dak li jissejjaħ “pop-up studio" bi 15-il student Palestinjan tal-arkitettura, li dan is-sajf se jqattgħu ftit ġimgħat f'Malta fejn se jkunu qed jipparteċipaw fi programm edukattiv tal-prattika li ser jagħtihom l-opportunità li jaħdmu fuq numru ta' proġetti ta' arkitettura lokalment. Dan l-istudjo se jgħaqqad il-metodi tad-disinn Palestinjan ma' dak Malti billi jgħaqqad l-aspetti arkitettoniċi u kulturali tagħhom. Dan il-proġett se jagħti lill-parteċipanti l-opportunità li jaħdmu flimkien u jaqsmu l-ideat, filwaqt li jistabbilixxu konnessjonijiet importanti fil-komunità arkitettonika internazzjonali.

Il-Kamra qed tappella lill-pubbliku sabiex jappoġġja dan il-proġett permezz ta' forom differenti ta' għajnuna, inkluż akkomodazzjoni u sponsorships tal-ivvjaġġar għall-istudenti Palestinjani, appoġġ tal-vjaġġar, riżorsi għall-istudjo u l-proġetti tiegħu, kif ukoll opportunitajiet ta' konsulenza ma' professjonisti lokali.

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin qed jipprovdi lill-Kamra tal-Periti bl-għajnuna konsulari meħtieġa biex jiffaċilita l-vjaġġi tal-istudenti lejn Malta, u appoġġ loġistiku ieħor.

Il-Ministru Ian Borg ħeġġeġ lill-individwi u lin-negozji li jistgħu jikkontribwixxu għal din l-inizjattiva biex jagħmlu kuntatt mal-Kamra u jagħtu l-għajnuna meħtieġa.

“L-impenn ta' pajjiżna għall-paċi, ir-rispett reċiproku u l-ġenerożità lejn in-nies li jgħixu f'żoni ta' kunflitt jintwera b'mod speċjali fis-suċċess ta' kollaborazzjonijiet interkulturali bħal dawn. Permezz tal-impenji ta' Malta f'fora internazzjonali differenti, inkluż l-irwol attwali tagħna mal-Presidenza tal-OSCE u s-sħubija tagħna fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, qed naffermaw lil Malta bħala aġent ta' paċi ta' min jafdaha fil-Mediterran u lil hinn. Irridu li s-soċjetà ċivili tagħna timxi fl-istess direzzjoni," qal il-Ministru Borg.

Inizjattivi edukattivi mmirati lejn iż-żgħażagħ huma saħansitra aktar sinifikanti peress li jgħinu biex jitrawmu komunitajiet aktar b'saħħithom, temm jgħid il-ministru, hekk kif tenna t-twemmin tiegħu li l-edukazzjoni hija l-akbar ċavetta għall-paċi.

Il-President tal-Kamra tal-Periti, il-Perit Andre Pizzuto, tenna l-appell tal-ministru biex tittaffa t-tbatija tal-komunitajiet f'żoni ta' kunflitt. Saħaq li r-rwol tal-periti jmur lil hinn mis-sempliċi tfassil tal-bini. "L-arkitettura hija dwar il-bini ta' komunitajiet permezz ta' ġesti kulturali fl-ispazju pubbliku li għandhom l-għan li jtejbu l-kwalità tal-ħajja ta' dawk li jgħixu fih," qal Pizzuto.

Il-Perit Pizzuto żied jgħid, "Li nistabbilixxu kollaborazzjoni b'saħħitha fost periti Mediterranji mhux biss issaħħaħ ir-rabtiet professjonali tagħna iżda wkoll tamplifika l-impatt kollettiv tagħna fuq l-iżvilupp reġjonali. Dan is-sajf, qed ngħinu lill-kollegi tagħna Palestinjani biex itejbu l-esperjenzi edukattivi tal-istudenti tagħhom permezz ta' rikonoxximent internazzjonali."

Biex tappoġġja din l-inizjattiva, ikkuntattja lill-Kamra tal-Periti bl-email fuq jvassallo@kamratalperiti.org jew permezz ta' telefonati jew WhatsApp fuq +356 99 202 406.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin jappoġġja l-inizjattiva tal-istudenti Palestinjani tal-Kamra tal-Periti
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin jappoġġja l-inizjattiva tal-istudenti Palestinjani tal-Kamra tal-Periti
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  National Audit Office Malta hosts bilateral meeting with the Spanish Court of Audit

PR261929

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 student jieħdu sehem fil-Malta Skills Championships 2026

PR261928

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 studen...

More Press Releases Right arrow