Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Tnedija ta’ skemi ġodda sabiex jindirizzaw l-inġustizzji tal-imgħoddi

pr240738
Date Icon 30/04/2024

Għal darba oħra l-Gvern ħabbar skemi ġodda sabiex ikompli jindirizza inġustizzja tal-imgħoddi u b'hekk qed titwettaq wegħda elettorali oħra.

F'konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon tkellem dwar kif ser tkun qed tinfetaħ skema ġdida għal eks impjegati tal-Korporazzjoni Telemalta, għal eks ħaddiema tal-Malta Drydocks u tal-Malta Shipbuilding.

Fil-fatt ġie spjegat illi s-sena l-oħra kienet twessgħet l-iskema tas-settur pubbliku għal kategorija oħra ta' ħaddiema li kienu daħlu mal-Korporazzjoni Telemalta bejn l-ewwel ta' Jannar 1978 u l-15 ta' Jannar tal-1979, u li kienu naqsu li jikkwalifikaw għal pensjoni simili għal dik imħaddma mill-Gvern għall-impjegati fis-servizz pubbliku.

Għaldaqstant, issa, din se tkun fi skema separata għaliha, u ser tkun mifruxa fuq għadd ta' snin. Madwar 250 persuna mistennija jibbenefikaw mill-iskema.

Skema ġdida oħra ser tkun miftuħa għal madwar 500 ħaddiem li fl-2003 kienu ġew trasferiti mill-Malta Drydocks u l-Malta Shipbuilding u assimilati mal-Industrial Projects and Services Ltd (IPSL), li llum hija magħrufa bħala Resource Support and Services Ltd (RSSL).

Il-Ministru Michael Falzon ħabbar ukoll illi l-Gvern se jkun qed jindirizza każ ta' inġustizzja li kien twettaq mal-eks ħaddiema tal-lukanda Verdala aktar minn 40 sena ilu. Hawn ukoll, il-persuni ikkonċernati se jkunu qed jiġu kkuntattjati fix-xhur li ġejjin u jingħataw l-informazzjoni dwar kif se tiġi indirizzata l-inġustizzja tagħhom.

“Mill-2017 sal-lum, dan il-Gvern investa mal-€85 miljun, b'dawn ma jinkludux dawn l-iskemi imħabbra llum. Dan jikkonferma r-ruħ soċjali ta' dan il-Gvern, illi jaħdem qattiegħ sabiex jindirizza kull inġustizzja", stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Id-dettalji u l-kundizzjonijiet dwar kull skema ser jiġu ppublikati fil-Gazzetta tal-Gvern.  L-applikazzjonijiet għall-iskemi ser jintlaqgħu sal-aħħar ta' Lulju u l-ħlasijiet dovuti lil persuni eliġibbli jsiru f'Novembru.  

Ma' dawn l-iskemi, ser jitkomplew oħrajn preċedenti, għal dawk il-persuni li daħlu jaħdmu fis-settur pubbliku, b'dawn jinkludu impjegati f'xi korporazzjoni jew entità pubblika wara li għamlu xi żmien iservu f'wieħed mill-korpi tax-xogħol imwaqqfa qabel l-1979,  impjegati mal-Gas Board sakemm dan spiċċa u wara kienu impjegati mal-Korporazzjoni Enemalta u  apprentisti mal-Malta Electricity Board.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Tnedija ta’ skemi ġodda sabiex jindirizzaw l-inġustizzji tal-imgħoddi
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  National Audit Office Malta hosts bilateral meeting with the Spanish Court of Audit

PR261929

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 student jieħdu sehem fil-Malta Skills Championships 2026

PR261928

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 studen...

More Press Releases Right arrow