STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI Il-Parlament japprova r-ratifika ta’ tliet konvenzjonijiet internazzjonali fil-kamp tal-ħarsien wirt storiku
Il-Parlament b’mod unanimu approva r-ratifika ta’ tliet konvenzjonijiet internazzjonali u Protokolli relatati, mressqa mill-Gvern, dwar il-Ħarsien ta’ Proprjetà ta’ Wirt Kulturali f’każ ta’ Kunflitt Armat, u mezzi ta’ Projbizzjoni u Prevenzjoni tal-Importazzjoni u Esportazzjoni Illegali ta’ Proprjetà Kulturali fl-isfera internazzjonali.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici sostna li fi żminijiet ta’ kunflitt u gwerer bħalma, sfortunatament, qed naraw f’diversi reġjuni fid-dinja, il-kultura u l-wirt kulturali huma vulnerabbli ħafna u ċerti xogħlijiet tal-arti jistgħu jispiċċaw meqruda jew meħuda ’l barra minn pajjiżhom mill-forzi ta’ okkupazzjoni waqt gwerra.
Il-Ministru Bonnici sostna wkoll li mill-10 Konvenzjonijiet u Protokolli tal-UNESCO, mill-2013 sal-lum, il-Gvern se jkun aċċetta jew irratifika total ta’ 5 konvenzjonijiet u 2 protokolli għal total ta’ 8 strumenti internazzjonali. “Dan huwa rekord pożittiv ħafna għal Malta fl-isforzi li l-Gvern qed imexxi ’l quddiem fil-ħarsien tal-wirt kulturali minn lenti internazzjonali,” qal il-Ministru Bonnici.
B’hekk issa, b’mod formali, Malta se tmexxi ’l quddiem il-proċess li jwassal għar-ratifika ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li jippromwovu azzjonijiet li jissalvagwardjaw il-wirt kulturali mill-ottika internazzjonali jiġifieri:
• Il-Konvenzjoni tal-UNESCO ta’ The Hague tal-1954 u ż-żewġ Protokolli tagħha għall-Ħarsien tal-Proprjetà Kulturali f’każ ta’ Kunflitt Armat li hija l-aktar trattat multilaterali komprensiv iddedikat esklussivament għall-protezzjoni tal-wirt kulturali mobbli u immobbli fi żminijiet ta' paċi kif ukoll waqt kunflitt armat.
• Il-Konvenzjoni ta’ Pariġi tal-UNESCO tal-1970 dwar il-Mezzi ta’ Projbizzjoni u Prevenzjoni tal-Importazzjoni u Esportazzjoni Illeċita ta’ Proprjetà Kulturali.
• Il-Konvenzjoni ta’ Ruma tal-UNIDROIT tal-1995 li tfasslet fuq stedina tal-UNESCO u li tirrigwarda r-ritorn ta’ proprjetà kulturali misruqa jew esportata illegalment minn pajjiż għall-ieħor mil-lat tal-liġi internazzjonali privata.
Ir-ratifika tal-konvenzjonijiet elenkati hawn fuq u l-protokolli relatati se jipprovdu lil Malta b’sett komprensiv u holistiku ta’ prinċipji globali trasversali li jindirizzaw għemil illegali ta’ natura internazzjonali kontra l-proprjetà tal-wirt kulturali billi jarmonizzaw is-sistema regolatorja nazzjonali ma’ dik tal-pajjiżi msieħba. Fil-fatt, ħafna mill-prinċipji huma diġà integrati fil-liġi li tirregola l-Patrimonju Kulturali ta’ Malta.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261928