STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Imnedija 6 skemi ta' boroż ta' studju b'investiment ta' €6.75 miljun
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima nieda 6 skemi ta' boroż ta' studju b'valur totali ta' €6.75 miljun. Dawn jinkludu li ġej: Skema ta' Borża ta' Studju dwar Studji Veterinarji; Skema ta' Borża ta' Studju Endeavour II; Skema ta' Borża ta' Studju TESS; Skema ta' Borża ta' Studju tal-Arti; Skema ta' Borża ta' Studju dwar l-Isport; u Reach High II.
Il-Ministru Clifton Grima enfasizza li dawn il-Boroż ta' Studju huma investiment dirett fl-istudenti, li permezz tagħhom qed jingħataw sostenn finanzjarju, biex jilħqu l-aspirazzjonijiet tal-futur tagħhom. “Għal dawn l-iskemi ta' boroż ta' studju qed ninvestu €6.75 miljun, €4.5 miljun fondi Ewropej u €2.25 minn fondi Nazzjonali. Aħna nemmnu li l-investiment qawwi fis-settur edukattiv u fl-istudenti jiggarantixxi suċċess għalihom, għas-soċjetà u għal pajjiżna," stqarr il-ministru.
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Matthew Vella enfasizza li dawn l-iskemi huma xhieda tal-investiment li qiegħed isir fis-settur edukattiv, li s'issa diġà bbenefikaw minnhom 'il fuq minn 1,200 individwu f'oqsma differenti. “Il-ministeru se jkompli jaħdem bla waqfien permezz tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024-2030 li daqt se tiġi mnedija, biex ikompli jittrasforma l-edukazzjoni ta' pajjiżna għal waħda ta' kwalità u fejn il-persuna tinżamm dejjem fiċ-ċentru. Fost il-153 inizjattiva tal-istrateġija hemm uħud li huma mmirati lejn skemi għall-aktar studji speċjalizzati, fosthom dawk tal-isport u l-arti," qal is-Sur Vella.
L-iskemi ta' Boroż ta' Studju huma:
I) Skema ta' Boroż ta' Studju għall-Istudji Veterinarji
L-iskema tippermetti lill-istudenti li jsegwu l-kors għad-Dottorat fil-qasam Veterinarju (fil-Livell 7 tal-QMK) biex japplikaw u jingħataw pakkett finanzjarju li jkopri t-tul tal-kors kollu sat-tlestija li jwassal biex jiggradwaw fil-Mediċina Veterinarja minn Istituzzjoni Rikonoxxuta u b'ċertifikazzjoni fil-livell 7 tal-QMK. Min jirbaħ din il-borża ta' studju jingħata sa' massimu ta' €14,000 fis-sena għall-perjodu ta' 5 snin akkademiċi.
II) Skema ta' Boroż ta' Studju Endeavour II
Din hija t-tielet sejħa tal-Endeavour II Scholarships Scheme li għaliha qed jiġu allokati €2.5 miljun mill-Fond Soċjali Ewropew (ESF+). Skema li tappoġġja edukazzjoni terzjarja (fil-Livell 7 u 8 tal-QMK), ta' kwalità u tassigura li s-suq tax-xogħol Malti jkollu fih l-aħjar individwi u tiggarantixxi li jkun f'pożizzjoni aħjar li jikkompeti fuq livell internazzjonali. L-iskema għandha l-għan li tappoġġja lil dawk li qed isegwu din it-triq biex jirnexxu kemm fil-kisba tal-edukazzjoni kif ukoll biex jikkontribwixxu b'mod effettiv lejn l-ekonomija. L-edukazzjoni post-universitarja tifforma parti dejjem aktar importanti mill-aġenda ekonomika u soċjali ta' kull pajjiż u twassal għall-iżvilupp professjonali kontinwu ta' ħafna nies.
III) Skema ta' Borża ta' Studju TESS
TESS (Tertiary Education Scholarships Scheme) hija skema miftuħa għal studenti post-universitarji, fil-livelli 7 u 8, u tfittex li tagħti kontribut lejn is-suq tax-xogħol Malti. L-iskema għandha l-għan li tipprovdi opportunitajiet ta' finanzjament għall-istudenti biex ikunu jistgħu jsegwu programmi ta' studju t'edukazzjoni għolja u tinkoraġġixxi lill-istudenti jżidu l-livelli ta' riċerka akkademika.
IV) Skema ta' Boroż ta' Studju tal-Arti
Il-Malta Arts Scholarships' Scheme għandha l-għan li tipprovdi aktar opportunitajiet u appoġġ lill-individwi li għandhom talenti eċċezzjonali fil-ħolqien u/jew il-promozzjoni ta' professjonisti fl-Arti Espressiva, it-Teatru, il-Mużika, iż-Żfin, id-Disinn, il-Kitba Kreattiva, il-Film, l-Arti Viżiva jew kwalunkwe kombinazzjoni tagħhom. Din l-iskema hija disponibbli wkoll għal applikanti minn 11-il sena 'l fuq, Livell 5 QMK sal-Livell 8 QMK.
V) Skema ta' Boroż ta' Studju dwar l-Isport
Din l-iskema għandha l-għan li tpoġġi l-isports fuq livell professjonali u se tippromwovi l-iżvilupp ta' atleti bi prestazzjoni għolja li eventwalment jirrappreżentaw lil Malta f'kompetizzjonijiet internazzjonali. Hija intenzjonata għal applikanti f'żewġ kategoriji: dik tal-Ispeċjalizzazzjoni fl-Isport u dik Akkademika. Iż-żieda fl-istatus tal-isport f'Malta mhux biss twassal għal rikonoxximent internazzjonali usa', imma tinkoraġġixxi wkoll il-prattika regolari tal-isport u l-attività fiżika madwar il-pajjiż li tirriżulta f'titjib ġenerali fis-saħħa u l-benesseri tal-popolazzjoni kollha.
VI) Reach High II
Din hija t-tieni sejħa li għaliha qed jiġu allokati €2 miljun mill-Fond Soċjali Ewropew (ESF+). Hija Borża ta' Studju mmirata għal għotjiet post-dottorat. L-edukazzjoni ta' riċerka post-dottorat titqies bħala waħda ta' importanza għaliex tipprovdi l-mezzi li permezz tagħhom l-attività ta' riċerka tista' tiġi stimulata fi ħdan l-Universitajiet u l-Industriji. Din l-iskema tibni fuq l-iskema preċedenti Reach High. L-għotja tkopri fost oħrajn, l-istipendju, l-ivvjaġġar u l-ispejjeż diretti tar-riċerka.
Aktar dettalji, kif ukoll l-applikazzjonijiet għall-iskemi kollha, jinsabu fuq https://education.gov.mt/myscholarships/.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261928