Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI Sas-sajf se tidħol fis-seħħ liġi ġdida tal-OHSA li tirriforma l-aspett tas-saħħa u s-sigurtà

pr240730
Date Icon 30/04/2024

Il-Ministru għall-Ġustizzja u s-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard attenda għall-konferenza 'Nagħtu s-setgħa lill-prattikanti tal-OHS: Nistabbilixxu standards ogħla għall-Eċċellenza fis-Sigurtà',  organizzata mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol.

L-għan ta' din il-konferenza kien li fl-isfond tar-riformi li huma mistennija fis-settur tal-kostruzzjoni, ikomplu jiġu diskussi metodi ta' kif il-prattiċi tal-professjonisti fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol jitjiebu sabiex jgħollu l-livell u l-istandards tar-regolamenti li jirregolaw dan is-settur.

Il-Ministru Attard qal li fl-okkażjoni tal-Jum Dinji dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol, din il-konferenza ġabet flimkien diversi stakeholders biex jiddiskutu t-triq 'il quddiem f'dan is-settur. Huwa nnota s-suċċess ta' din il-konferenza li ttellgħet f'mument fejn anke l-Gvern qiegħed jimpenja ruħu li fiż-żmien li ġej iressaq liġi li se tkun qiegħda twettaq u tagħmel id-differenza f'dan is-settur b'tali mod li jkollna qafas regolatorju li jirrifletti l-esiġenzi tal-lum.

Il-Ministru fakkar li l-Gvern alloka żieda fil-Baġit Finanzjarju tal-2024 għall-Awtorità u li dan l-investiment huwa maħsub biex l-Awtorità tkun mgħammra b'riżorsi addizzjonali biex issostni operat aktar effiċjenti u effettiv. Spjega wkoll li għaddejja ħidma biex jiġu ingaġġati uffiċjali addizzjonali tal-OHS biex tissaħħaħ il-funzjoni regolatorja tagħha. Huwa stmat li dan il-programm ta' reklutaġġ se jkun ifisser żieda ta' 55 ħaddiem ġdid li se jkun ekwivalenti għal aktar mid-doppju tal-workforce eżistenti tal-Awtorità.

Filwaqt li tkellem ukoll dwar l-iffirmar ta' ftehim li sar ftit tal-ġimgħat ilu bejn l-OHSA u l-Università ta' Malta, il-Ministru Attard sostna dwar l-importanza ta' standards għoljin fl-edukazzjoni f'kollaborazzjoni mal-assoċjazzjonijiet biex jitfasslu standards professjonali u gwidi ta' prattiċi tajba. Il-Ministru Attard saħaq ukoll dwar il-ħtieġa ta' proċess ta' kontinwità fit-taħriġ li huwa fundamentali sabiex persuna tibqa' titqies bħala persuna kompetenti.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità, Dr Josianne Cutajar qalet li kienet tinħass il-ħtieġa ta' djalogu bejn l-entitajiet konċernati, u dan tixhdu l-attendenza numeruża li kien hemm għal din il-konferenza. Hija nnutat li din kienet l-ewwel inizjattiva tax-xorta tagħha b'kollaborazzjoni bejn l-OHSA, il-MOSHPA, il-UHSP u l-Università ta' Malta sabiex jitjiebu l-istandards tal-professjonisti f'dan il-qasam. “Fl-isfond tar-riformi fis-settur tal-kostruzzjoni kif ukoll fil-liġijiet tas-saħħa u s-sigurtà, din l-inizjattiva qed tittella' f'mument kruċjali fejn l-istakeholders jingħaqdu b'għan wieħed u flimkien ifasslu t-triq għal standards ogħla fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq kull post tax-xogħol", temmet tgħid Cutajar.

Għal din il-konferenza kien mistieden ukoll Dr Shaun Lundy, inġinier Ingliż li spjega kif l-Ingilterra qed tiffaċċja sfidi simili ta' dawk li għandha Malta fis-settur tal-kostruzzjoni. L-inġinier kompla biex jgħid li l-kompetenza fis-saħħa u s-sigurtà hija stabbilita fil-liġi u li l-akkreditazzjoni tista' twassal biex persuni jkollhom kwalifiki u esperjenza aħjar. Huwa spjega kif kellu jkun proprju l-inċident tal-Grenfell Tower li wassal sabiex tingħata l-importanza xierqa lil-livell aktar għoli ta' kompetenza f'pajjiżu.

Il-President tal-MOSHPA, George Steve Darmanin tkellem dwar l-isfidi meta ma jkunx hemm standards fit-taħriġ. Huwa saħaq dwar l-importanza tal-irwol tal-project supervisors u li għandu jkollhom taħriġ kontinwu fil-professjoni.

Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-Prof. Godfrey Baldacchino, is-Sur David Saliba u Dr Mary Gauci li mexxew diskussjonijiet fi gruppi dwar reġistrazzjoni ta' kompetenza, 'continuous professional development' u gwidi għall-project supervisors.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI Sas-sajf se tidħol fis-seħħ liġi ġdida tal-OHSA li tirriforma l-aspett tas-saħħa u s-sigurtà
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI Sas-sajf se tidħol fis-seħħ liġi ġdida tal-OHSA li tirriforma l-aspett tas-saħħa u s-sigurtà
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  National Audit Office Malta hosts bilateral meeting with the Spanish Court of Audit

PR261929

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 student jieħdu sehem fil-Malta Skills Championships 2026

PR261928

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 studen...

More Press Releases Right arrow