STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ: Il-Ministru Ian Borg b’taħditiet bilaterali mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tar-Rwanda Vincent Biruta
Rwanda jkompli jkun punt ta' referenza stabbli għal Malta fl-Afrika
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg laqa' f'Malta lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin u Koperazzjoni Internazzjonali tar-Rwanda Vincent Biruta għal taħditiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi.
Waqt laqgħa bilaterali f'San Ġiljan, iż-żewġ Ministri tal-Affarijiet Barranin iddiskutew diversi kollaborazzjonijiet kontinwi bejn iż-żewġ pajjiżi, fosthom il-kooperazzjoni fl-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa, kif ukoll kwistjonijiet reġjonali oħra ta' tħassib reċiproku.
“Ir-Rwanda huwa punt ta' referenza politiku u ekonomiku stabbli għal Malta fl-Afrika, u aħna impenjati li nkomplu nsaħħu l-kooperazzjoni tagħna f'setturi differenti. Iż-żewġ pajjiżi għandhom bosta similaritajiet, fosthom ekonomija li qed tikber, konnessjonijiet tal-Commonwealth b'saħħithom u faċilità biex isir in-negozju," qal il-Ministru Borg.
Il-Ministru Borg spjega li matul iż-żjara tiegħu fl-2023, iltaqa' ma' negozji Maltin li qed jespandu l-operat tagħhom fil-kontinent Afrikan permezz tal-preżenza tagħhom fir-Rwanda. F'dan ir-rigward, fakkar li l-MoU reċenti bejn il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija ta' Malta, u l-Federazzjoni tas-Settur Privat tar-Rwanda jenfasizza r-rieda tal-komunità kummerċjali Maltija li ssaħħaħ il-kollaborazzjoni mar-Rwanda. "Nistennew bil-ħerqa li nkomplu napprofondixxu dawn ir-relazzjonijiet ta' benefiċċju reċiproku," qal il-Ministru Ian Borg.
Matul il-laqgħa, iż-żewġ ministri ddiskutew diversi ftehimiet iffirmati bejn iż-żewġ pajjiżi s-sena l-oħra, waqt iż-żjara tal-Ministru Borg fil-kapitali tar-Rwanda, Kigali, għal aktar kooperazzjoni fis-servizzi tal-ajru, taħriġ diplomatiku u l-amministrazzjoni tat-turiżmu u l-ospitalità.
Tkellmu wkoll dwar l-irwol ta' Malta bħala membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda u kwistjonijiet reġjonali tal-Afrika Ċentrali.
B'referenza għall-ostilitajiet li qed jiżdiedu fis-Sudan, il-Ministru Borg esprima l-appoġġ ta' Malta għall-isforzi reġjonali u internazzjonali biex dan il-kunflitt jiġi solvut u tingħata għajnuna umanitarja. “Aħna nappellaw b'mod urġenti għal waqfien mill-ġlied immedjat, bla kundizzjoni u sostenibbli, u waqfien tal-ostilitajiet biex jiġi ffaċilitat id-djalogu politiku u t-triq għall-paċi," afferma l-Ministru.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tar-Rwanda Vincent Biruta semma l-ftehimiet li ġew iffirmati dwar taħriġ diplomatiku u s-settur tal-ospitalità. Qal li d-diskussjonijiet illum kienu dwar l-implimentazzjoni ta' dawn il-ftehimiet u kif iż-żewġ pajjiżi jistgħu jesploraw aktar toroq ġodda ta' kooperazzjoni f'oqsma oħra. Id-diskussjonijiet waqt il-laqgħa bilaterali tal-lum iffokaw ukoll fuq diversi kwistjonijiet f'reġjuni differenti madwar id-dinja, fosthom is-sitwazzjoni fl-Afrika, fil-Lvant Nofsani, fis-Sudan u wkoll il-gwerra tal-Ukrajna.
Iż-żewġ Ministri tkellmu wkoll dwar l-importanza tar-relazzjoni kostruttiva bejn ir-Rwanda u l-Unjoni Ewropea, b'Malta tfaħħar kif l-UE qed issaħħaħ l-impenn tagħha mal-Afrika. “Inħarsu 'l quddiem biex nikkonsolidaw dan l-impenn ħolistiku biex jiġu indirizzati t-tibdil fil-klima, il-paċi u s-sigurtà, il-kooperazzjoni fis-saħħa, u l-iżvilupp ekonomiku. Li nappoġġjaw inizjattivi li jipprovdu soluzzjonijiet innovattivi u sostenibbli huwa kruċjali, b'enfasi fuq il-ħolqien tal-impjiegi u l-investiment kummerċjali," temm jgħid il-Ministru Borg.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261928