STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI Inwettqu Flimkien: Proġetti ta’ tisbiħ u manutenzjoni f’Ħal Qormi
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli flimkien mas-Sindku ta’ Ħal Qormi Josef Masini Vento żaru tlett proġetti ta’ tisbiħ u manutenzjoni fil-qalba tal-lokalità ta’ Ħal Qormi. Dawn il-proġetti kienu jinkludu manutenzjoni u tisbiħ fiż-żona tal-Blat, fanali ornamentali fi Triq il-Kbira u rinnovar tal-bandli fi Ġnien Tumas Fenech.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli saħqet fuq l-importanza li l-kunsilli lokali mhux biss jaraw li jimplimentaw proġetti ġodda, iżda enfasizzat fuq il-manutenzjoni, iż-żamma u s-sostenn ta’ postijiet u żoni madwar il-lokalità kollha. Hija fakkret li l-Gvern minn żmien għal żmien joħroġ skemi għal dan il-għan sabiex il-kunsilli lokali jkollhom l-għodda għall-manutenzjoni meħtieġa fuq proġetti fil-qalba tal-lokalitajiet.
“Il-manutenzjoni għat-titjib u tisbiħ ta’ toroq u spazji pubbliċi mhux biss huwa investiment fil-kwalità tal-ħajja tan-nies, iżda jikkontribwixxi wkoll għall-estetika u s-sostenibbiltà tal-lokalità, speċjalment f’lokalitajiet li huma meqjusa urbani. Għaldaqstant kommessi li nibqgħu nkunu ta’ spalla għall-kunsilli lokali tagħna sabiex dejjem ikunu mgħammra bl-għodda meħtieġa għal twettiq ta’ proġetti u inizjattivi li jindirizzaw il-bżonnijiet tal-lokalitajiet u r-residenti rispettivi tagħhom,” saħqet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.
Il-kunsill lokali ta’ Ħal Qormi biddel fanali bi ħsarat estensivi kkawżati mill-elementi għal fanali ornamentali li jikkumplimentaw il-karatteristiċi tipiċi ta’ raħal Malti tul Triq il-Kbira u f’Misraħ San Franġisk. Sar ukoll xogħol ta’ manutenzjoni u tisbiħ fi pjazzetta fiż-żona tal-Blat li twettaq mill-ħaddiema tal-kunsill lokali ta’ Ħal Qormi stess.
Fir-rigward tal-bandli fi Ġnien Tumas Fenech, sar tibdil fl-infrastruttura tal-bandli b’investiment ta’ madwar €100,000. Dan il-proġett kien jikkonsisti f’tibdil tar-rubber flooring u ġie installat tagħmir tal-bandli ġdid.
Is-Sindku ta’ Ħal Qormi Josef Masini Vento saħaq fuq l-importanza li l-kunsilli lokali jibqa’ jkollhom il-fondi meħtieġa sabiex ikomplu jitwettqu proġetti fil-qalba tal-lokalitajiet favur ir-residenti. “Wettaqna dawn il-proġetti u bħala kunsill kommessi li naraw li tibqa’ ssir il-manutenzjoni sabiex il-familji jibqgħu jgawdu dawn il-proġetti f’ambjent sigur u nadif,” stqarr is-Sindku.
Għal din iż-żjara attendew ukoll membri mill-kunsill lokali ta’ Ħal Qormi, id-Direttur Ġenerali għad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali u rappreżentanti oħra.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261928