STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI: Attiviżmu taż-żgħażagħ favur komunitajiet b’saħħithom – is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti fil-ftuħ ta’ konferenza għall-għaqdiet taż-żgħażagħ
“L-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ għandhom rwol ċentrali fl-attiviżmu taż-żgħażagħ biex inkomplu nsaħħu l-komunitajiet tagħna.” Hekk sostna s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti fil-ftuħ ta’ konferenza għal għaqdiet taż-żgħażagħ.
F’indirizz li għamel fil-konferenza bit-tema ‘Asking Youth Organisations’, is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti rrefera għas-sitt strateġija nazzjonali dwar il-politika taż-żgħażagħ, li tenfasizza l-ħtieġa li jitwessa’ u jiġi żviluppat aktar l-appoġġ għall-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ. Qal li l-Aġenzija Żgħażagħ hi katalista biex il-Gvern jisma’ mingħand iż-żgħażagħ u permezz ukoll ta’ din l-aġenzija, il-Gvern ikompli jinvesti f’diversi forom t’appoġġ għall-għaqdiet taż-żgħażagħ, fosthom fondi u riżorsi oħra, biex ikunu jistgħu jwettqu xogħolhom b’mod iktar effettiv.
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti semma wkoll l-inizjattiva tad-Direttorju tal-Organizzazzjonijiet taż-Żgħażagħ, li jservi bħala riżorsa importanti għaż-żgħażagħ, il-ġenituri, l-edukaturi, u l-professjonisti li jaħdmu maż-żgħażagħ, inkluż il-ħaddiema żgħażagħ. Id-direttorju jiffaċilita ħidma kollaborattiva bejn l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ filwaqt li jsaħħaħ is-sens ta’ ħidma kollettiva bejn l-għaqdiet.
Barra minn hekk spjega kif l-Aġenzija Żgħażagħ żviluppat is-‘Self Assessment Tool for Quality Work with Young People’ matul l-aħħar sena. Din l-għodda sservi bħala strument riflettiv li permezz tiegħu l-organizzazzjonijiet ikunu jistgħu jivvalutaw il-ħidma tagħhom u s-servizzi siewja li jipprovdu liż-żgħażagħ. Qal li din l-għodda ttejjeb ukoll l-operat tal-għaqdiet taż-żgħażagħ.
“Aħna kburin li qegħdin nospitaw din il-konferenza li tipprovdi pjattaforma għad-djalogu u l-kollaborazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ,” iddikjara is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti. Żied jgħid, “Il-kontribuzzjoni ta’ dawn l-għaqdiet bl-attiviżmu tagħhom hija imprezzabbli.”
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261928