STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, UGWALJANZA, RIFORMI U DJALOGU SOĊJALI Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne jippresjedi laqgħa tal-Ġnus Magħquda dwar il-Ġlieda kontra r-Reżistenza Antimikrobika
Id-Deputat Prim Ministru ta' Malta Chris Fearne ippresjeda laqgħa ta' konsultazzjoni ta' livell għoli tal-Ġnus Magħquda mal-Istati Membri u l-Osservaturi dwar id-Dikjarazzjoni Politika dwar ir-Reżistenza Antimikrobika. Malta, taħt it-tmexxija tad-Deputat Prim Ministru, kienet minn ta' quddiem nett fl-isforzi biex titrażżan b'mod urġenti r-reżistenza antimikrobika.
Ir-reżistenza għall-antimikrobiċi hija theddida serja għas-saħħa pubblika madwar id-dinja. Minħabba l-użu ħażin tal-antibijotiċi, matul l-għaxar snin li ġejjin ir-reżistenza għall-antimikrobiċi tista' tnaqqas l-aspettattiva tal-ħajja globali b'1.8 snin u se tiswa lill-gvernijiet 412-il biljun dollaru f'żidiet fl-ispejjeż għall-kura tas-saħħa.
L-għan tal-laqgħa kien li jipprovdi lill-Istati Membri tal-Ġnus Magħquda opportunità biex jiddiskutu l-prijoritajiet ewlenin li jistgħu jiddaħħlu fid-Dikjarazzjoni Politika dwar ir-Reżistenza Antimikrobika, li għandha tiġi adottata mill-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda.
Huwa talab lill-mexxejja dinjin biex jieħdu passi urġenti biex itejbu r-rispons għar-reżistenza antimikrobika. Huwa enfasizza li fi żmien għaxar snin, 90% tal-infezzjonijiet misjuba fl-isptarijiet ikunu reżistenti, u dan jista' jwassal għal fatalitajiet anke minn interventi mediċi ta' rutina. F'dan il-kuntest huwa semma ħames prijoritajiet li jemmen li huma essenzjali biex tinkiseb Dikjarazzjoni Politika effettiva:
- Aħseb Globalment, Aġixxi Lokalment - Huwa spjega li, għalkemm għandna bżonn soluzzjonijiet globali, l-indirizzar effettiv tat-theddid tar-Reżistenza Antimikrobika jeħtieġu pjanijiet ta' azzjonijiet nazzjonali b'saħħithom li jindirizzaw ir-realtajiet u l-bżonnijiet nazzjonali diverġenti.
- Investiment fl-R&D - L-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp ta' antimikrobiċi ġodda huwa essenzjali, iżda l-investiment għandu jkun marbut ukoll mal-aċċess għall-antimikrobiċi eżistenti madwar id-dinja, speċjalment f'pajjiżi bi dħul baxx u medju.
- Miri ċari - Il-miri fid-Dikjarazzjoni Politika għandhom ikunu ċari u jkunu mmexxija taħt il-gwida ta' bord indipendenti. Irridu niffokaw fuq riżultati li jistgħu jiġu implimentati.
- Tranżizzjoni Ġusta – Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne osserva li l-inizjattivi maħsuba biex jindirizzaw ir-Reżistenza Antimikrobika b'approċċ integrat jistgħu jaffettwaw l-operat ta' attivitajiet agrikoli żgħar u medji. Għalhekk id-Dikjarazzjoni Politika għandha tinkludi provvedimenti għal tranżizzjoni ġusta u bilanċjata.
- Monitoraġġ Konsistenti – Irridu naraw mekkaniżmu ta' monitoraġġ robust li jwassal messaġġ qawwi tal-impenn biex tiġi indirizzata din it-theddida eżistenti.
Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne temm jgħid li filwaqt li aħna l-ewwel ġenerazzjoni li dejjem kellna aċċess għal mediċini antimikrobiċi, għandna l-obbligu morali li niżguraw li ma nkunux tal-aħħar.
Aktar kmieni, id-Deputat Prim Ministru ltaqa' wkoll mal-President tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, Dennis Francis, li rringrazzja lil Malta għall-isforzi u t-tmexxija tagħha fit-tkomplija tar-rispons globali biex jitrażżan it-theddid li joħloq ir-Reżistenza Antimikrobika.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261928