STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI
Inwettqu Flimkien: Kundizzjonijiet ta' xogħol imtejba permezz tal-iffirmar ta' Ftehim Kollettiv għall-ħaddiema tal-amministrazzjoni, tekniċi u industrijali tal-Università ta' Malta
Permezz ta' Ftehim Kollettiv li ġie ffirmat illum, qed jissaħħu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-pakkett finanzjarju tal-ħaddiema tal-amministrazzjoni, tekniċi u industrijali tal-Università ta' Malta. Permezz tiegħu se jgawdu 940 impjegat.
Il-ftehim, li jkopri l-perjodu sa tmiem l-2027, kien iffirmat mill-President tal-Kunsill tal-Università l-Perit Karmenu Vella, mill-Professur Alfred J. Vella, Rettur tal-Università u Josef Vella, Isabelle Farrugia, Noel Caruana u Nathalie Cauchi għan-naħa tal-Union Ħaddiema Magħqudin.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Matthew Vella u Thomas Woods, il-Kap tal-Unit tar-Relazzjonijiet Industrijali fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, ippresedew l-iffirmar tal-ftehim.
Il-Ministru Clifton Grima qal, “Dan huwa ftehim kollettiv ieħor li qed niffirmaw u li permezz tiegħu qed nuru l-impenn li ninvestu fl-aqwa riżors li għandu pajjiżna, ir-riżors uman. Dan il-ftehim isaħħaħ il-kundizzjonijiet tax-xogħol kif ukoll il-pakkett finanzjarju, filwaqt li jintroduċi miżuri oħrajn li kollettivament jaraw mhux biss żidiet li jirriflettu r-realtajiet tal-lum, imma anki jsaħħaħ l-opportunitajiet għal progress fil-karriera ta' dawn il-ħaddiema."
Josef Vella, Kap Eżekuttiv tal-Union Ħaddiema Magħqudin esprima s-sodisfazzjon għal ftehim milħuq li se jwassal għal kundizzjonijiet aħjar, titjib fis-salarji u aktar flessibbiltà li hi element importanti fl-istil ta' ħajja li qed ngħixu llum biex ikun hemm bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-familja. Hu kompla li l-union se tkun qed issegwi mill-qrib l-implimentazzjoni ta' dan il-ftehim. Huwa rringrazzja lil dawk kollha li kellhom sehem f'dan il-ftehim għax-xogħol u l-impenn tagħhom.
Matthew Vella, Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, irringrazzja lill-Union Ħaddiema Maqgħudin u lill-Università ta' Malta tal-kollaborazzjoni tagħhom biex ġie finalizzat dan il-ftehim kollettiv. “Din il-kisba seħħet sforz id-direzzjoni li ħa l-Ministeru għall-Edukazzjoni li jrawwem kultura bbażata fuq djalogu miftuħ, li jisma' b'mod attiv u jaġixxi skont il-ħtiġijiet, filwaqt li jiżgura li l-persuna tkun dejjem fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet kollha li jittieħdu," qal is-Sur Vella.
Il-Professur Alfred J. Vella, Rettur tal-Università, saħaq li mingħajr appoġġ amministrattiv, istituzzjoni bħall-Università ma tistax tiffunzjona sewwa. “Irridu nagħrfu, kif fil-fatt għamilna, il-bżonnijiet li jevolvu maż-żminijiet. Ninsab sodisfatt li wasalna hawn u napprezza l-mod onest kif il-firmatarji dejjem irrappreżentaw dawn il-bżonnijiet."
Stqarrijiet Oħra:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261928