Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Tnaqqis fiċ-ċaħda materjali u soċjali – l-anqas livell qatt irreġistrat ta’ Ċaħda Materjali u Soċjali Severa

pr240661
Date Icon 24/04/2024

Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal jinnota b'sodisfazzjon kbir it-tnaqqis irreġistrat matul l-2023 fir-rata taċ-Ċaħda Materjali u Soċjali Severa kif ukoll fir-rata ta' Ċaħda Materjali u Soċjali.

Ċifri tal-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika, NSO ippubblikati llum juru r-rata taċ- Ċaħda Materjali u Soċjali Severa naqset minn 4.9% fl-2022 għal 4.1% fl-2023, tnaqqis ta' 3,517-il persuna. Din hija l-anqas rata rreġistrata mill-2017 'il hawn meta dan il-kejl daħal fis-seħħ skont parametri mibdula tal-Unjoni Ewropea  dwar dħul u kundizzjonijiet tal-għajxien tal-familji.

Anke ir-rata ta' Ċaħda Materjali u Soċjali niżlet minn 9.6% fl-2022 għal 9.2% fl-2023. Din hija l-anqas rata mill-2019 'l hawn.

Iċ-ċifri tal-NSO jitfgħu dawl fuq kemm persuni affordjaw jew m'affordjawx numru ta' oġġetti bħal jixtru ħwejjeġ jew żraben ġodda, iħallsu biex imorru għal xi ikla mal-qraba jew ħbieb tagħhom għal mill-anqas darba f'xahar, iħallsu għall-bżonnijiet tagħhom jew li jkollhom servizz tal-internet.  F'dawn is-sitt kategoriji, l-għadd ta' persuni li wieġbu pożittivament li jaffordjaw dawn l-ispejjeż kien wieħed għoli b'perċentwali li jvarjaw bejn 65% għal 94%.

Iċ-ċifri fil-fatt juru wkoll li naqas l-għadd ta' familji li ma jaffordjawx iħallsu għal btala ta' ġimgħa, naqsu dawk li ma jaffordjawx isaħħnu darhom, naqsu dawk li waqgħu lura fil-ħlasijiet ta' pagamenti jew kontijiet, naqsu dawk li ma jaffordjawx jibdlu xi għamara f'darhom, naqsu dawk li ma jaffordjawx jixtru ħwejjeġ jew żraben ġodda, u naqsu dawk li ma jaffordjawx iħallsu biex imorru għal xi ikla mal-qraba jew ħbieb tagħhom għal mill-anqas darba f'xahar.

Dan it-tnaqqis fiċ-ċaħda materjali u soċjali kien irreġistrat l-iżjed fost l-anzjani u fost il-ħaddiema.

Fuq in-naħa l-oħra ċ-ċifri jindikaw li qabel id-dħul tal-mekkaniżmu addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja kien żdied in-numru ta' familji li ma kinux jaffordjaw jieklu laħam jew ħut kull jumejn jew li jaffordjaw spiża mhux mistennija.  Dan ċertament kien riżultat tal-inflazzjoni għolja li konna għaddejjin minna f'pajjiżna fil-perjodu tal-istħarriġ, inflazzjoni ikkawżata mill-instabbilità u l-inċertezza madwar id-dinja.

Minkejja dan, ir-rati u n-numri ta' dawk li m'affordjawx dawn l-oġġetti jew attivitajiet fl-2023 kienu sostanzjalment anqas minn kemm kienu fl-2013, kif muri fit-tabella t'hawn taħt:


2013
2023Tnaqqis 2013 - 2023
Persuni li ma jaffordjawx%Numru ta' persuni%Numru ta' persuni%Numru ta' persuni
Ilaħħqu ma' spejjeż li jinqalgħu għall-għarrieda23.095,22515.984,5707.110,655
Iħallsu għal btala ta' ġimgħa 'l bogħod mid-dar55.9231,18330.0159,48525.971,698
Iħallsu self fuq dar jew kera, kontijiet tad-dawl u l-ilma, u ħlasijiet fuq xiri u self12.551,8425.730,5646.821,278
Jieklu laħam, tiġieġ u ħut kull jumejn15.363,4039.450,2145.913,189
Isaħħnu darhom fix-xitwa23.999,0136.835,95917.263,054

Mitlub jikkummenta, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drtittijiet tat-Tfal Michael Falzon stqarr li huwa sodisfatt bil-fatt liċ-ċaħda materjali u soċjali, inkluż dik severa, reġgħu naqsu anke fl-2023 u jinsabu fl-anqas livelli.  Huwa nnota wkoll b'sodisfazzjon it-titjib irreġistrat fost l-anzjani grazzi għal għexieren ta' miżuri immirati għalihom.

Minkejja dan, il-Ministru Michael Falzon innota l-fatt li l-inflazzjoni li feġġet fil-perjodu tal-istħarriġ speċjalment fil-prezzijiet tal-ikel ħalliet impatt fuq il-familji, l-aktar dawk fil-faxxa ta' isfel.

Il-Ministru Falzon tenna li għal din ir-raġuni, minbarra li l-Gvern baqa' jissussidja l-prezzijiet tal-enerġija u l-qmuħ u ċ-ċereali, lejn l-aħħar tal-2022 beda jitħallas benefiċċju ġdid maħsub biex familji u persuni bi dħul baxx jew medju jkunu jistgħu jlaħħqu aħjar mal-effetti tal-inflazzjoni.

Dan il-benefiċċju kompla jissaħħaħ u jitwessa' fl-2023 u fil-fatt minnu gawdew madwar 96,000 familja  li bejniethom tħallsu aktar minn €20 miljun.   Dan il-benefiċċju ser jitħallas mill-ġdid f'Mejju li ġej u se jkompli jitħallas kull sena biex b'hekk il-Gvern se jkompli jkun ta' spalla għal kulħadd, speċjalment dawk li l-aktar għandhom bżonnha.  Dan minbarra l-ftehim għall-istabbilità fil-prezzijiet li qed jgħin ukoll sabiex ikun hemm roħs fi prezzijiet ta' 450 prodott essenzjali tal-ikel.

Il-Ministru Michael Falzon temm jgħid li huwa għalhekk ukoll liċ-ċifri ta' ċaħda materjali u soċjali, inkluż dik severa, huma fl-anqas livelli tagħhom u huma sostanzjalment anqas minn kif kienu fl-2013. 

*Ir-rati tal-NSO huma ibbażati fuq stħarriġ li sar fl-2023 fost madwar 4,000 familja u li kkunsidra d-dħul tal-familji fl-2022. Permezz ta' kwestjonarju l-familji jintalbu jwieġbu dwar kemm ikunu jaffordjaw ilaħħqu mal-ispejjeż ta' 13-il oġġett jew attività li bihom jitkejjel il-livell ta' ċaħda materjali u soċjali.

Jekk fir-rispons dwar mill-anqas 5 mill-mistoqsijiet tkun fin-negattiv, dawk il-familji jitqiesu li huma mċaħħda materjalment u soċjalment.  Jekk ir-rispons fin-negattiv ikun dwar 7 mistoqsijiet jew aktar,  jitqiesu li huma mċaħħda materjalment u soċjalment b'mod sever.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  National Audit Office Malta hosts bilateral meeting with the Spanish Court of Audit

PR261929

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 student jieħdu sehem fil-Malta Skills Championships 2026

PR261928

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 studen...

More Press Releases Right arrow