Left arrow Go Back

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-UGWALJANZA U R-RIFORMI: Lejn tisħiħ tar-rappreżentanza tal-ġeneru fil-kunsilli lokali

pr240659
Date Icon 23/04/2024

Il-gvern impenjat li jsaħħaħ ir-rappreżentanza tal-mara fil-kunsilli lokali. F'konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli u s-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg ħabbru pakkett ta' miżuri maħsuba biex jiffaċilitaw u jippromwovu parteċipazzjoni akbar tal-mara fil-kunsilli.

Ir-riformi jipprovdu biex, fost oħrajn, jitneħħa d-depożitu ta' €90 li kull kandidat irid jagħmel mal-Kummissjoni Elettorali biex jikkontesta l-elezzjoni. Miżuri u azzjonijiet oħra elenkati fir-rapport jinkludu riċerka li għandha ssir wara l-elezzjonijiet lokali, biex fost oħrajn, tidentifika r-raġunijiet li qegħdin iżommu u jostakolaw il-parteċipazzjoni tal-mara fil-kunsilli lokali.

Dawn jistgħu jkunu varji, fosthom il-ħinijiet tas-seduti tal-kunsilli, ir-responsabbiltajiet tal-familja u n-nuqqas ta' riżorsi. Dawn u miżuri oħrajn saru minn kumitat tekniku li stħarrġu jekk għandux jiġi implimentat il-mekkaniżmu korrettiv tal-ġeneru fl-elezzjonijiet lokali li ġejjin.

Il-kumitat irrakkomanda li dan m'għandux jiġi implimentat għalissa biex fost oħrajn jiġi analizzat l-impatt li dan kellu fl-elezzjonijiet parlamentari. Il-konklużjonijiet tal-kumitat ġew preżentati mill-Kummissarju għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza Renee Laiviera.

Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li sakemm wieħed jirriafferma l-eżitu tal-mekkaniżmu korrettiv użat fl-Elezzjoni Ġenerali, il-gvern se jimplimenta għadd ta' miżuri oħra sabiex il-ġeneru femminili jkun aktar rappreżentat fil-kunsilli lokali wara l-elezzjonijiet ta' Ġunju li ġej.

“Permezz ta' dawn il-miżuri, il-gvern qed ikompli jsaħħaħ il-kunsilli lokali u jagħtihom l-għodod meħtieġa sabiex ikunu huma li jixprunaw il-bidla fis-soċjetà tagħna. F'lokalitajiet diversi qed naraw kif kunsilli lokali mmexxija b'għaqal verament qed iġib il-bidla fil-komunità, dan jekk hux f'dak li għandu x'jaqsam ma' infrastruttura, kultura, ġid tal-komunità jew affarijiet oħra li jolqtu direttament lill-komunità," temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.

Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg qalet li bl-impenn tal-partijiet kollha jista' isir ħafna iktar progress biex tonqos id-diskrepanza bejn il-ġeneri fir-rappreżentanza fil-kunsilli lokali. Hija nnutat li diġà hemm rappreżentanza notevoli tan-nisa fil-kunsilli tant li fl-aħħar elezzjonijiet lokali tal-2019 ġew eletti 119-il mara.

Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg sostniet li din ir-rata ta' parteċipazzjoni għandha tkompli tiżdied mhux sempliċiment għan-numru u għall-istatistika iżda importanti li jkun hemm il-perspettiva femminili fil-ħafna xogħol siewi li jsir fil-kunsilli b'risq il-komunitajiet tagħna.

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-UGWALJANZA U R-RIFORMI: Lejn tisħiħ tar-rappreżentanza tal-ġeneru fil-kunsilli lokali
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  National Audit Office Malta hosts bilateral meeting with the Spanish Court of Audit

PR261929

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 student jieħdu sehem fil-Malta Skills Championships 2026

PR261928

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 studen...

More Press Releases Right arrow