STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI Tnieda portal ġdid fejn l-aġenziji tax-xogħol jistgħu jirreġistraw l-operat tagħhom u japplikaw għal-liċenzja online
Tnieda portal li se jippermetti lit-temping agencies biex jirreġistraw l-operat tagħhom u japplikaw għal-liċenzja online. Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul, meta indirizza laqgħa oħra ta' informazzjoni għall-operaturi tal-aġenziji tax-xogħol.
Is-Segretarju Parlamentari Ellul sostna li l-proċess tar-reġistrazzjoni għat-temping agencies issa se jkun aktar effiċjenti u konvenjenti. Dan il-portal se jgħin ukoll lid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi (DIER) fl-amministrazzjoni tal-liġijiet, li tħabbru f'Novembru li għadda u li issa daħlu fis-seħħ.
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul ħabbar li s'issa applikaw 42 aġenzija tax-xogħol għall-ħruġ ta' liċenzja biex ikunu konformi mal-liġijiet u appella lil dawk l-aġenziji li għadhom ma applikawx biex japplikaw online permezz ta' din il-portal.
Huwa sostna li l-proċess fit-tfassil ta' dawn il-liġijiet sar b'enfasi fuq id-djalogu u t-trasparenza u semma kif sabu kollaborazzjoni kemm mill-aġenziji tax-xogħol kif ukoll mill-imsieħba soċjali. “Sibna rieda tajba mill-operaturi għaliex irrikonoxxew l-importanza ta' din il-liġi, mhux biss biex nissalvagwardjaw id-drittijiet tal-ħaddiema iżda wkoll għall-professjonalità u s-suċċessi tal-operaturi," tenna Dr Ellul.
Is-Segretarju Parlamentari nnota wkoll l-importanza tas-servizz ta' dawn l-aġenziji tax-xogħol, hekk kif huma essenzjali għal bosta oqsma tal-ekonomija ta' pajjiżna. “Issa se jkollna viżibilità ċara tas-settur u se nkunu qed nassiguraw li dawk il-ħaddiema li jiġu f'pajjiżna verament ikun hawn bżonnhom fis-suq tax-xogħol u jiġu biss dawk li jkollhom il-ħiliet neċessarji," temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Ellul hu u jfakkar li mill-bidu ta' Ġunju se jibda l-infurzar.
Preżenti għal din il-laqgħa ta' informazzjoni kien hemm id-Direttur Ġenerali tad-DIER, Diane Vella Muscat.
Wieħed jista' jaċċessa l-portal il-ġdid fuq: https://employmentagencies.gov.mt/#/en/home.
Stqarrijiet Oħra:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261928