STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Malta tospita l-laqgħa tal-Bord tat-Tmexxija tal-Programme for International Student Assessment (PISA)
Malta qed tospita s-57 laqgħa tal-Bord tat-Tmexxija tal-Programme for International Student Assessment (PISA) fil-Belt Valletta, li għaliha qed jattendu madwar 200 delegat li jirrappreżentaw 78 pajjiż minn madwar id-dinja. Il-laqgħa qed issir fuq tlett ijiem, mis-17 sad-19 ta’ April f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi.
Il-Bord tat-Tmexxija tal-PISA jiltaqa’ darbtejn fis-sena biex jiddiskuti u jippjana l-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti, mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD). Il-parteċipazzjoni ta’ Malta tipprovdi perspettiva kritika li tippermettilna nevalwaw l-impatt tal-politiki u l-prattiċi edukattivi ta’ pajjiżna fi sfond globali.
Il-laqgħa nfetħet mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima. Fil-messaġġ tiegħu huwa aċċenna għax-xogħol li qed jittrasforma s-settur edukattiv.
“Hekk kif inħarsu lejn il-futur, l-istħarriġ PISA 2022 iservi bħala għodda siewja fl-isforz kontinwu tagħna biex intejbu r-riżultati edukattivi f’Malta. Billi nindirizzaw il-kawżi fundamentali tat-tluq bikri mill-iskola u nipprovdu appoġġ imfassal apposta, ninsabu impenjati li nrawmu ambjent fejn kull student ikun mgħammar bl-għodda, bil-kunfidenza u bl-opportunitajiet biex jirnexxi fil-perkors edukattiv tiegħu u lil hinn”, qal il-Ministru Grima.
“Bl-Istrateġija Nazzjonali tal-Edukazzjoni għall-2024-2030, mhux qed inħabbru biss politika; qed inniedu trasformazzjoni. Flimkien, nimbarkaw għal dan il-perkors trasformattiv, nibnu wirt edukattiv li jagħti s-setgħa, sistema edukattiva ta’ inklużjoni, u futur mibni fuq l-isforz kollettiv tagħna. Ir-riformi edukattivi ta’ Malta u l-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024-2030 huma eżempju ta’ approċċ proattiv u komprensiv għat-trawwim ta’ sistema edukattiva li tkun ekwa, inklużiva, u lesta biex tilqa’ l-isfidi tal-futur”, spjega l-Ministru Grima.
Ġie spjegat ukoll li l-istrateġija toffri gwida għal inizjattivi strateġiċi mmirati biex jirfinaw il-kurrikulu, tadotta metodoloġiji ta’ tagħlim innovattiv, u tiżgura li kull student, irrispettivament mill-isfond tiegħu, ikollu aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità. Dan il-perjodu ta’ awtoanaliżi u evalwazzjoni pprovduti minn PISA huwa ferm aktar minn sempliċi verifika tar-riżultati edukattivi; għaliex jirrappreżenta opportunità kritika għal Malta biex tirrifletti, tippjana, u tmexxi triq ta’ trasformazzjoni edukattiva sostanzjali.
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Matthew Vella qal, “Permezz tal-bidla progressiva tagħna lejn school-based assessments qed nimxu lil hinn mill-eżamijiet tradizzjonali. Billi nipprijoritizzaw forom dinamiċi u impenjattivi ta’ evalwazzjoni, qed inħeġġu lill-istudenti biex isegwu l-għarfien b’kurżità u b’entużjażmu. Din hija konformi mat-tieni pilastru tal-Istrateġija u mal-feedback li taw l-imsieħba soċjali fis-settur”.
Matul l-aħħar xhur kienet intensifikata l-ħidma mal-OECD kemm fejn tidħol ħidma dwar l-Istrateġija Nazzjonali tal-Edukazzjoni 2023-2030 il-ġdida, l-aspett ta’ Strategic Foresight fl-edukazzjoni kif ukoll biex jitfassal pjan ta’ azzjoni biex ikunu indirizzati r-riflessjonijiet kollha li ħarġu mir-rapport tal-PISA. Dan kollu qed isir għaliex il-Gvern jemmen bis-sħiħ li kull student għandu jkollu kull opportunità li jimmassimizza l-potenzjal kollu tiegħu.
Other Press Releases:
PR261931
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...
PR261930en